Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Stephen Spiteri sostna fil-Parlament li l-ammont ta’ persuni li qed jidħlu fl-Emerġenza f’Mater Dei minħabba d-droga kiber b’erba’ darbiet.
Stephen Spiteri qal li l-problem tad-droga hi kbira, mifruxa u qed twassal għal diversi konsegwenzi. Għalhekk il-liġijiet għandhom jirriflettu l-volontà tal-Parlament biex tonqos din il-problema.
Għaddew liġijiet li llum mhux iwasslu biex titnaqqas il-problema tad-droga fil-pajjiż, qal Stephen Spiteri, li kompla li llum hemm skejjel li qed jirrapportaw l-użu tad-droga fis-sekondarja.
Hu qal li minn statistika pubblikata mit-Toxicology Unit ta’ Mater Dei, jirriżulta li bejn l-2021 u l-2022 kien hemm erba’ darbiet iktar każi relatati ma’ abbuż ta’ droga fl-Emerġenza ta’ Mater Dei fejn fl-2021 kien hemm 513-il każ u fl-2022 kien hemm 1,272 każ.
Din mhix ir-realtà kompleta għaliex hemm ħafna li jibżgħu jmorru l-Isptar Mater Dei minħabba li jsiru r-rapporti lill-Pulizija. Fil-każi ta’ użu tal-kannabis, is-sitwazzjoni hi waħda li fiha fid-Dipartiment tal-Emerġenza, fl-2021 daħlu 97 każ waqt li fl-2022 daħlu 431 dwar droga. Dawn huma ċifri li jtikellmu weħidhom, sostna Stephen Spiteri.
Hu kompla li l-għaqdiet volontarji ma jistgħux ilaħħqu mal-każi li qed jidħlu quddiemhom u sostna li jeħtieġ li l-abbuż jonqos. Jeħtieġ li jkun hemm ġustizzja u li t-traffikanti jitnaqqsu biex b’hekk jitnaqqas l-abbuż.
Id-deputat Nazzjonalsta tkellem dwar il-vjolenza domestika fejn jirriżulta li 90% ta’ dawk li jirraportaw il-vjolenza jkollhom ukoll sitwazzjoni ta’ abbuż tad-droga.
Dwar Monte Carmeli, Stephen Spiteri qal li xhur ilu kien hemm popolazzjoni ta’ 264 pazjent f’Monte Carmeli li minnhom kien hemm 55 pazjent relatat ma’ abbuż ta’ droga; dan jammonta għal 20%.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Parlament għandu jkun kontra dak li qed iwassal għal detriment għas-soċjetà Maltija. Monte Carmeli mhuwiex il-post adatt biex dawn il-pazjenti jkunu trattati, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex dawn il-persuni jingħataw fejqan u riabilitazzjoni.
//= $special ?>