Ambjent Lokali

“Li naraw fil-baħar mhux drenaġġ” – Ministru Miriam Dalli

Li qed jitwaddab id-drenaġġ mhux trattat fil-baħar, hija gidba – dak huwa slime.

Hekk iddikjarat il-Minsitru tal-Ambjent Miriam Dalli meta l-Erbgħa filgħodu Net News staqsiha x’kien il-ħmieġ li ntlemaħ fil-baħar fil-kosta tal-Lvant fl-aħħar jiem – qrib il-lokalitajiet tax-Xgħajra, Tas-Sliema u San Ġiljan fost oħrajn – jekk mhux drenaġġ.

Għal dawn l-aħħar xhur u snin diversi persuni kemm-il darba saħqu li l-irwejjaħ insapportabbli qed ikunu ta’ detriment għal saħħithom. Bil-Gvern saħansitra jdabbar ċamata mill-Qorti Ewropea dwar il-fatt li kien qed jarmi drenaġġ mhux trattat fl-ibħra tagħna.

Madanakollu, il-Ministru Dalli baqgħet tisħaq li s-sustanza li qed naraw fil-baħar, u l-irwejjaħ xejn pjaċevoli mhumiex ġejjin mid-drenaġġ. Problema li mhux biss tinsab fl-ibħra tagħna, iżda f’diversi lokalitajiet; bi drenaġġ ifur għad-detriment tal-familji Maltin u Għawdxin.

Intant, staqsejna lill-Ministru jekk hux lesta tagħmel apoloġija lill-poplu wara li sar magħruf li l-proġetti tal-Green Walls, li huwa stmat li sewa madwar €600,000, fallew.

B’Miriam Dalli tisħaq li mhux vera li swew dal-ammont, u li l-Green Walls se jibqgħu.