Lokali

“Pajjiżna jeħtieġ viżjoni fit-tul, b’investiment serju” – Roberta Metsola

“Jeħtieġ li nimxu lil hinn minn soluzzjonijiet ta’ malajr għaliex pajjiżna jeħtieġ viżjoni fit-tul, b’investiment serju.”

Dan kien il-messaġġ li wasslet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt li kienet qed tindirizza attività li kienet organizzata minn għaqdiet lokali bl-isem ‘From Candidate to MEP.’

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li din is-sena qed isiru votazzjonijiet importanti mal-erbat irkejjen tad-dinja – f’sena fejn rajna numru rekord ta’ elezzjonijiet. Hawn, hija saħqet fuq l-importanza li f’dan il-proċess demokratiku kulħadd ikun involut għaliex hekk biss id-demokrazija tista’ tibqa’ ħajja.

Roberta Metsola sostniet fuq l-importanza li pajjiżna jkollu viżjoni fit-tul b’direzzjoni ċara ta’ fejn irridu mmorru. Hija spjegat li pajjiżna għandu bżonn investiment infrastrutturali serju kif ukoll mudell ekonomiku li verament jindirizza lis-settturi kollha.

Apparti minn hekk, aċċennat fuq il-ħtieġa li l-ambizzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu fiċ-ċentru tal-politika bil-għan li kulħadd iħossu inkluż f’dak li qiegħed jiġri madwaru.

Hawnhekk, Metsola spjegat li l-Ewropa se tkompli toffri t-tama u l-opportunitajiet liż-żgħażagħ tal-lum kif ukoll tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Matul din l-attività kien hemm numru ta’ diskussjonijiet bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ li kollha esprimew il-fatt li fl-elezzjonijiet li għaddew kien hawn aktar għarfien kif ukoll aktar informazzjoni dwar l-importanza li wieħed jivvota.

Dan filwaqt li semmew ukoll li mir-riżultati elettorali kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra madwar l-Ewropa, deher b’mod l-aktar ċar li n-nies jixtiequ l-bidla.