Il-maġġoranza tan-negozji li joperaw f’Malta u Għawdex jemmnu li l-Gvern qiegħed imexxi lill-pajjiżna fid-direzzjoni l-ħażina u mhux ċerti jekk it-tnax-il xahar li ġejjin hux se jkun żmien tajjeb biex jinvestu.
Dan ħareġ ċar minn stħarriġ imwettaq matul it-tielet kwart tas-sena mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, fejn irriżulta li l-akbar problemi li qed isibu s-sidien tal-ħwienet b’rabta man-negozju tagħhom huma n-nuqqas ta’ ħaddiema, il-kompetizzjoni inġusta, it-traffiku u ż-żieda fil-prezzijiet.
L-aktar li huwa ta’ inkwiet fuq moħħ in-negozji hija fuq kollox iż-żieda fil-popolazzjoni.
Net News tkellem maċ-Chief Operating Officer Andrew Aquilina fejn stqarr li l-kwistjoni tal-popolazzjoni mhux biss qed taffettwa s-setturi fost oħrajn tat-traffiku u saħħa iżda anke effiċjenza u produzzjoni tax-xogħol.
Dan filwaqt li mill-istess stħarriġ ħareġ li n-negozji qed jistennew lill-Gvern jindirizza verament l-kwistjonijiet ta’ Governanza tajba, proprju ż-żieda fil-popolazzjoni u l-livell ta’ korruzzjoni fil-pajjiż.
Net News tkellem mad-Direttur ta’ Misco li mexxew dan l-istħarriġ fejn saħaq li s-surveys li qed jitwettqu f’pajjiżna kollha qed jagħtu l-istess sinjali. Dan filwaqt li spjega li pajjiżna jeħtieġ viżjoni fit-tul.
Il-Kamra tal-SMEs qed titlob li l-Gvern jerġa’ jkattar il-fiduċja fl-ekonomija, u li jerġa’ jibni ċertu pożittività fost l-imprendituri – illi jidher li intilfet.
Finalment, il-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela spjega kif il-laqgħat li kellhom mal-Gvern qabel il-budget kienu ħela ta’ ħin – hekk kif ma laqgħu ebda proposta.
Fost oħrajn il-wegħda li l-Gvern ilu jagħmel għal dawn l-aħħar sentejn ċioe li jnaqqas it-taxxa għan-negożji minn 35% għal 25%.
//= $special ?>