Għawdex Lokali Saħħa

Wara li fil-Budget ħabbar għat-tieni darba l-proġett tal-Isptar ta’ Għawdex, il-Gvern naqqas il-fondi għal dan l-isptar

Waqt li ftit tal-jiem ilu l-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela nieda għat-tieni darba l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex, fil-Budget li tressaq it-Tnejn li għadda, il-Gvern naqqas in-nefqa għal dan l-isptar bi €15-il miljun.

L-ispiża rikorrenti proġettata għas-sena d-dieħla se tonqos b’€9 miljuni, minn €43 miljun għal €34 miljun, skont l-Estimi tal-Budget (Vot 44). L-ispiża kapitali saħansitra se tonqos b’żewġ terzi. Dan hekk kif paġna 396 tal-Estimi tal-Gvern dwar is-Saħħa (Line Item 7611) turi tnaqqis minn €9 miljun għal €3 miljun. Tnaqqis ta’ sitt miljun oħra.

Dan meta suppost se jinbeda proġett ta’ sptar ġdid li tiegħu m’hemm ħjiel imkien u issa dan hu kkonfermat mill-Estimi tal-Gvern stess. It-tnaqqis totali għall-qasam tas-saħħa f’Għawdex jammonta għal €15-il miljun, ekwivalenti għal tnaqqis drastiku ta’ kważi 30%.

Dan ifisser li mhux talli mhux se jinġiebu aktar servizzi lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, iżda talli s-servizzi eżistenti se jkunu taħt pressjoni kbira bit-tnaqqis fin-nefqa.

F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u x-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg, qalu li l-poplu Għawdxi jixraqlu aħjar.

Huma komplew jispjegaw kif in-nuqqas ta’ professjonalità u ta’ trasparenza dwar il-futur tal-isptar f’Għawdex kompliet toħroġ b’mod ċar fl-aħħar jiem minn risposti li ta l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela.

Wara li l-ġimgħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista wera b’mod ċar li hemm dubji kbar dwar it-tieni tnedija tal-proġett tal-isptar f’Għawdex, il-Ministru Jo Etienne Abela, b’mod u stil mhux denju ta’ Ministru, attakka b’mod personali lil min tefa’ dubju fuq dawn il-pjanijiet.

Id-dubji huma msejsa fuq il-fatt li proċessi normali li wieħed jistenna għal proġett ta’ din l-iskala huma totalment ineżistenti kemm mill-aspett tal-ippjanar, kif ukoll mill-aspett tat-tħejjija biex jiġu milqugħa l-offerti għal dan il-proġett. Il-poplu ngidem darba u mhux se naċċettaw li jingidem it-tieni darba.

Ir-risposta tal-Ministru Abela kienet li għandu jitħalla jiggverna flimkien ma’ sħabu, bħal donnu ħadd ma għandu dritt jagħmel mistoqsijiet dwar dak li s’issa hu pjan fl-arja.

Il-kelliema qalu li hu redikolu li l-midja Laburista qed tgħid li mill-Budget ħareġ li ma ġie misruq xejn mill-konċessjonijiet, kemm tal-Vitals kif ukoll ta’ Steward. Wieħed jistaqsi: lil min qed jiddefendi l-Gvern Laburista?

Dan wara li:

1. Il-Qorti, għal darba darbtejn, ikkonfermat li l-kuntratt ma’ Vitals u Steward kien frawdolenti — serqa ta’ skala mostruża mit-taxxi tal-poplu

2. L-Awditur Ġenerali stqarr l-istess ħaġa fejn il-kuntratt, kemm b’mod legali u b’mod effettiv, juri kif ħafna mill-obbligi qatt ma ġew milħuqa

3. Wara l-appell, il-Gvern iddeċieda li għandu jġib il-flus lura — ammissjoni ċara li ġejna misruqa.

Id-dikjarazzjonijiet tal-midja Laburista ma jawguraw xejn tajjeb, għax bħal donnhom qed jilqgħu u jippreparaw f’każ li Gvern Laburista ma jġib xejn minn dak li ġie misruq mill-poplu Malti u Għawdxi, serqa fid-dawl tax-xemx.

Il-midja Laburista trid tiddeċiedi jekk hux se tieħu n-naħa tan-nies, li jistennew li jieħdu lura dak li hu tagħhom, jew tkompli tiddefendi dak li issa hu ddikjarat li hu kuntratt frawdolenti kemm mill-Qorti, mill-Avukat Ġenerali u mill-Gvern stess.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ dejjem konsistenti u determinat li l-konċessjonijiet kienu frawdolenti u allura jrid iġib lura l-€400 miljun li ġew misruqa mit-taxxi tagħna.

Hu biss Gvern Nazzjonalista li jista’ jiggarantixxi li Għawdex ikollu verament sptar ġdid u modern.

Hu biss Gvern Nazzjonalista li jista’ jagħmel ċert li l-flus misruqa jinġiebu lura.

Hu biss Gvern Nazzjonalista li jista’ jmexxi s-sistema tas-saħħa f’Għawdex ‘il quddiem.