Sport

Esperjenza pożittiva għas-sewwieqa Maltin

L-avventura tal-logħob prestiġjuż tal-FIA Motorsport Games  2024, pjattaforma li turi l-aqwa talent tal-isport tal-karozzi, f’Valencia, spiċċat il-Ħadd filgħaxija.

Għal Nicky Gauci, kien test ta’ reżiljenza hekk kif iffaċċja l-isfida tal-ewwel kompetizzjoni tiegħu F4 u inzertat ix-xita, kundizzjoni magħrufa li hija partikolarment ta’ sfida għal sewwieqa ġodda. Minkejja li beda fil-21 post, tela’ 7 postijiet u spiċċa fl-14-il post fil-finali. Il-prestazzjoni tiegħu, fejn spiċċa fit-13-il post, kienet xhieda tad-determinazzjoni tiegħu u saħansitra ġiet imfaħħra mill-kummentatur.

Fl-eSport, Keith Camilleri ġie eliminat waqt it-tiġrijiet tal-kwarti tal-finali u tal-aħħar ċans, u Dean Vella ġie eliminat fis-semifinali.

Karting Endurance, Team Malta, li ikkonsista minn Micah Scicluna, Ryan Borg, u Ella Zammit, spiċċaw fl-20 post.

Jacob Micallef, fil-Karting Sprint Senior, mar tajjeb l-aktar billi kkwalifika fit-tieni post, spiċċa fl-1, fit-2, u fit-3, rispettivament fit-tlielaq, iżda niżel għal 8 post fil-finali wara ħabta fil-bidu tat-tellieqa.

Benji Westwood, li pparteċipa fil-Karting Sprint Junior, spiċċa fit-18-il post minn 34 sewwieq.

Fl-aħħar tiġrija tiegħu fil-kategorija Mini Karting, Ayrton Jon Tonna wera l-potenzjal tiegħu. Beda fit-12-il pożizzjoni u għamel rimonta notevoli biex spiċċa fil-5 post, u saħansitra waqqaf l-aktar dawra veloċi fost is-sewwieqa kollha. Il-prestazzjoni li wera hija sinjal promettenti għat-tiġrijiet futuri tiegħu, u għal riżultati aktar impressjonanti.

Kollox ma’ kollox, din kienet esperjenza pożittiva sinifikanti għas-sewwieqa Maltin. Id-determinazzjoni u r-reżiljenza bla waqfien tagħhom quddiem l-isfidi jagħmluna lkoll kburin. Issa huma aktar motivati minn qatt qabel biex jaħdmu aktar għal riżultati aħjar f’kompetizzjonijiet oħra kemm lokali u kemm barra minn Malta.