“Il-flyover li se ssir fl-Imsida żgur li mhux se ssolvi l-problema tat-traffiku u qed ikompli joħroġ biċ-ċar li l-Gvern ta’ Robert Abela injora l-karba tal-Kunsill Lokali kif ukoll tar-residenti.”
Dan kien il-messaġġ li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħodu quddiem il-Kunsill Lokali tal-Imsida, u li kienet indirizzata mix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut u Joe Giglio kif ukoll mis-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi.
Mark Anthony Sammut fakkar li tliet snin ilu Robert Abela kien wiegħed li jrid imexxi t-traffiku ‘l barra mill-qalba tal-irħula; imma b’dan il-proġett se jkun qed jagħmel il-kontra ta’ dak li wiegħed. Huwa qal ukoll li l-Kamra tal-Periti resqet pjanijiet alternattivi għall-Imsida, bil-Gvern qal biss li sar rapport u rriżulta li kien hemm il-problemi. Però dan id-dokument qatt ma ġie ppubblikat.
Minn naħa tiegħu, Joe Giglio qal li l-flyover se tħalli impatt negattiv ħafna, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li jkun hemm inċentivi sabiex il-poplu juża mezzi tat-trasport alternattivi; bit-trasport pubbliku għandu jkun effiċjenti.
Joe Giglio spjega wkoll li l-passat wera kif fil-verità l-flyovers mhumiex soluzzjoni għat-traffiku għaliex bil-proġetti li saru xorta għadna naraw konġestjoni kbira ta’ traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.
Is-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi qal li matul dawn l-aħħar xhur il-Misidjani komplew jikkonfermaw il-karba tal-Kunsill Lokali kontra l-flyover. Hawnhekk, Selvaggi semma’ tliet raġunijiet għalfejn din il-flyover m’għandhiex issir.
Matul din il-konferenza l-kelliema appellaw lill-Ministru Chris Bonett sabiex verament jifhem il-punti tal-Misidjani, u jsib soluzzjoni għal dawn l-ilmenti.
//= $special ?>