Lokali Parlament

Il-gvern qed jibgħat messaġġ ħażin dwar id-droga fis-soċjetà


Joe Giglio, PN


Ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio sostna fil-Parlament li l-gvern qed jibgħat messaġġ ħażin dwar id-droga fis-soċjetà.

Joe Giglio qal li l-emendi tal-gvern se jseħħu biss f’każi fejn l-Avukat Ġenerali jkun iddeċieda li l-każ imur quddiem il-Qorti Kriminali fejn l-akkużat jista’ jagħżel li l-każ ikun deċiż minn Imħallef bla ġurati. Ftit għandu jkun hemm kontroversja dwar din għaliex il-pieni mhumiex jitmissu, sostna Joe Giglio.

Id-deputat Nazzjonalista qal li se tiddaħħal skeda ġdida dwar il-kriterji li bihom l-Avukat Ġenerali jrid iżomm f’moħħu jekk każ ikunx trattat minn Qorti tal-Maġistrati jew Qorti Kriminali, li bejniethom hemm differenza kbira. Din id-differenza hi fir-rigward tal-piena li tingħata fejn quddiem Qorti Kriminali tista’ tingħata piena massima ta’ għomor il-ħabs waqt li jekk il-każ imur quddiem il-Qorti tal-Maġistrali l-piena massima hi ta’ 10 snin ħabs.

Joe Giglio qal li fost il-kriterji hemm l-ammont ta’ droga involuta fil-każ u spjega li l-ammonti ta’ ecstacy hu inqas minn 300 pillola, inqas minn 100 gramma eroina u kokaina u inqas minn 300 gramma kannabis.
Dan l-abbozz qed ibiddel is-sitwazzjoni li mhijiex konfermi mar-realtà għaliex ir-raba’ skeda qed tgħid li l-ammont ta’ ecstasy biex każ imur quddiem liema qorti minn 300 pillola jitla’ għal 500 pillola. Dan hu ammont konsiderevoli ta’ ecstasy. Dwar l-eroina u l-kokaina, l-ammonti se jitilgħu minn 100 gramma għal mhux inqas minn 200 gramma u fil-kannabis, minn 300 gramma se jitla’ għal kilo kannabis.

Joe Gilgio qal li dan ifisser li qed jinbidlu l-parametri tal-pieni u quddiem sitwazzjonjiet fejn persuna tinqabad bi ftit inqas minn kilo kannabis jew 500 pillola ecstacy jew 200 gramma kokaina u eroina, li ċertament huma każi marbuta ma’ traffikar. Il-gvern qed jibgħat messaġġ ħażin għaliex b’dawn l-ammonti l-Avukat Ġenerali jista’ jordna li l-każ flok ikun deċiż mill-Qorti Kriminali jkun deċiż mill Qorti tal-Maġistrati.

Hu staqsa jekk sarux studji dwar dawn l-ammonti u qal li dan hu messaġġ perikoluż dwar kemm il-gvern irid ikun iebes u serju fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Hu qal li l-vittmi għandhom jingħataw proċess ta’ riabilitazzjoni.

Joe Giglio kompla li l-akkużat dejjem jista’ jiġġieled id-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali dwar quddiem qorti jmur il-każ. Hu sostna li skeda oħra tikkonċerna l-ammonti li l-Qorti għandha tikkunsidra biex tiddermina jekk il-każ ta’ persuna jkunx trattat minn Qorti tad-Droga. Minkejja li l-ammonti mhux jintmissu, iddaħħlu sustanzi oħra.

Hu qal li l-PN hu favur li qorti ma tkunx obbligata lit tagħti sentenza ta’ ħabs effettiva lil persuna li tkun irriabilitat anki quddiem is-sitwazzjoni ta’ dewmien fil-Qrati u l-effetti li dan il-każ ikollu fuq in-nies.