Il-Korea ta’ Fuq sparat missila ballistika interkontinentali (ICBM) li damet fl-ajru għal 86 minuta – rekord għal missila ta’ dan il-kalibru – u qabel niżlet fl-ibħra lejn il-lvant tal-Istat komunista. L-azzjoni kienet segwita b’attenzjoni kbira mill-awtoritajiet fil-Ġappun u l-Korea t’Isfel li kkonfermaw li l-missila telgħet sa għoli ta’ 7,000 kilometru.
Il-Korea t’Isfel, qabel, wissiet li l-Korea komunista kienet se tispara dan l-ICBM bi prova f’xi żmien qabel l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti li se ssir fil-5 ta’ Novembru.
Il-Ministeru tad-Difiża f’Seoul qal li l-prova kienet intenzjonata biex il-Koreani komunisti jiżviluppaw il-missili li jwasslu fuq distanzi dejjem aktar fit-tul u bħala mezzi għall-intimidazzjoni tal-pajjiżi ġirien.
Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un, qal, intant, li l-prova tal-ICBM qed tindika r-rieda ta’ pajjiżu ‘biex iwieġeb lill-Istati għedewwa’. Hu kompla li l-militar komunista jinsab dejjem lest għal azzjoni xierqa fi kwalunkwe sitwazzjoni.
//= $special ?>