Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa hu kontra l-bini ta’ krematorju fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u talab ukoll għal Environmental Impact Assessment, minħabba l-fatt li Ħal Luqa ma jiflaħx għal iżjed tniġġis tal-arja u trab iswed.
Il-Kunsill sostna li r-residenti Luqin jistgħu jiġu affettwati b’mod meta r-riħ ikun jonfoħ lejn il-lokalità ta’ Ħal Luqa u qiegħed jitlob lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex ma jaċċettawx li jsir dan il-proġett fil-viċin ta’ Ħal Luqa.
F’laqgħa li nżammet fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, is-Sindku John Schembri ressaq għad-diskussjoni dwar it-tibdil fil-bini ta’ krematorju fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata peress li s-sit propost jinsab viċin il-lokalità ta’ Ħal Luqa.
Il-Kunsill talab ukoll Environmental Impact Assessment, minħabba l-fatt li Ħal Luqa ma jiflaħx għal iżjed tniġġis tal-arja u trab iswed. Ħal Luqa huwa diġà mdawwar b’zoni industrijali, kif ukoll jinkorpora fih l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. It-tniġġis tal-ħsejjes mill-ajruplani u karozzi huwa diġà sostanzjali, tant li r-residenti għadhom sal-lum ibatu minn dan l-iżvilupp.
Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa jingħaqad mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal il-Ġdid li ma
jaqbilx li jsir dan il-proġett peress li jinsab fil-viċin.