Internazzjonali

Il-Libanu: Aktar siti tal-UNESCO f’periklu fost l-attakki tal-Iżraeljani

Il-militar ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, attakka lill-belt storika ta’ Baalbek u l-madwar fost rapporti li nqatlu aktar minn 20 li kważi nofshom kienu nisa. L-attakki seħħew ftit wara l-eżodu ta’ għexieren ta’ eluf ta’ residenti li osservaw it-twissijiet tal-Iżraeljani biex jitilqu minn dawn it-territorji.

Intant, l-attakki konċentraw fuq iz-zoni fil-periferija ta’ Baalbek u fuq il-belt innfisha li tinkludi kumpless tat-tempji li jmur lura għall-era tar-Rumani u li l-UNESCO ddikjaratu parti mill-patrimonju dinji.

L-Iżraeljani qalu li fl-attakk, intlaqtu ċ-ċentri tal-kmand tal-milizji Xiti Lebaniżi, minbarra l-faċilitajiet ‘għall-azzjonijiet terroristiċi’ f’Baalbek u Nabatiyeh, fin-Nofsinar tal-Libanu. Intlaqtu wkoll id-depots tal-fuel tal-Ħeżbollah fil-belt ta’ Douris, fil-Wied ta’ Bekaa.

Dan ukoll meta l-Ħeżbollah insista li se jkompli bil-‘pjan tal-gwerra’ kontra Iżrael u li mhux qed jitlob għal waqfien mill-ġlied.

Is-Segretarju Ġenerali ġdid tal-Ħeżbollah, Naim Qassem, qal, intant,li se jkompli jaħdem fuq l-aġenda ta’ Hassan Nasrallah – l-Eks Kap Suprem tal-Ħeżbollah li spiċċa maqtul ix-xahar li għadda waqt attakk mill-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani fuq Bejrut.