Edukazzjoni Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jistenna azzjoni immedjata fl-MCAST

Il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni inaċċettabbli fl-MCAST. L-edukaturi u l-istudenti ta’ dan il-Kulleġġ tħallew f’limbu għal tliet snin sħaħ, u l-Partit Nazzjonalista jistenna azzjoni mill-Gvern illum qabel għada.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo; u x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Justin Schembri; qalu li l-Partit Nazzjonalista jinnota l-istqarrija tal-Union tal-Għalliema (MUT) u jtenni li huwa inkwetanti kif wara kważi tliet snin ta’ negozjati, it-talbiet tal-edukaturi u tal-impejgati fl-MCAST għadhom mhumiex jingħataw biżżejjed kunsiderazzjoni, biex il-Ftehim Kollettiv għadu ’l bogħod milli jkun konkluż.

Dan qiegħed jippreġudika serjament l-esperjenza edukattiva taż-żgħażagħ fl-MCAST li mhumiex jieħdu dak li bi dritt huwa tagħhom mill-MCAST, u qiegħed ukoll ikompli jnissel sens kbir ta’ frustrazzjoni fost il-letturi.

L-MUT dan l-aħħar żvelat li l-Gvern ressaq b’mod unilaterali l-Ftehim Kollettiv mhux konkluż quddiem it-Tribunal Industrijali. Kuntrarju għal dikjarazzjonijiet pubbliċi preċedenti, dan jikkonferma n-nuqqas ta’ fiduċja u ta’ trasparenza min-naħa tal-Gvern.

Justin Schembri u Ivan Castillo qalu li l-azzjoni li l-Gvern ħa mingħajr il-komunikazzjoni xierqa u matul perjodu ta’ protesta, tmur kontra l-garanziji mogħtija kemm lill-edukaturi kif ukoll lill-pubbliku.

Tattiċi bħal dawn, li jsiru minn taħt, ikomplu jeskalaw il-kwistjoni tal-Ftehim Kollettiv u mhumiex aċċettabbli għaliex jimminaw in-negozjati tant neċċessarji fil-proċess tad-Djalogu Soċjali.

Ir-reazzjoni tal-Gvern, kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu li jirtira l-proċeduri mit-Tribunal Industrijali, għalkemm pass neċessarju, mhumiex biżżejjed. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq li r-responsabbiltà hija fuq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeri responsabbli biex juru tmexxija u impenn sabiex jintlaħaq ftehim ġust u komprensiv. L-MCAST ma jistax jibqa’ jesperjenza din l-inċertezza kkawżata mill-Gvern.

Il-Gvern qed ikompli joħloq sens ta’ tensjoni, frustrazzjoni u inċertezza, fost il-ħaddiema u huwa inaċċettabbli li l-Gvern jistenna t-tifħir talli jreġġa’ lura deċiżjoni fuq kwistjoni li kellha tkun indirizzata mill-ewwel.

Barra minn hekk, spjegaw fl-istqarrija, li huwa diżappuntanti għalkollox li l-Budget ta’ din is-sena ma jagħmel l-ebda referenza għall-MCAST, li għandu rwol kruċjali fis-sistema edukattiva tal-pajjiż kemm mil-lat akkademiku u kemm mil-lat vokazzjonali.

Daqstant ieħor diżappuntanti l-fatt li l-MCAST jibqa’ ma jingħatax l-allokazzjonijiet finanazjari mistennija u meħtieġa biex jopera fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jiżgura li l-abbozz il-ġdid tal-Ftehim Kollettiv tal-MCAST jagħraf jinkludi dak li kien negozjat sal-lum u jirrispetta l-impenji li saru matul in-negozjati tul dawn l-aħħar tliet snin. Id-djalogu soċjali għandu jkun aktar minn process, għandu jkun impenn azzjonat li jagħti soluzzjonijiet reali biex din il-kwistjoni tasal fi tmiemha fil-ġimgħat li ġejjin.