“Dan huwa Gvern li poġġa l-flus l-ewwel u qabel kollox. Iżda llum nafu li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ġdida”.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervitast waqt il-programm ‘Spotlight’ fuq Net Television… fejn spjega li bil-Budget, Robert Abela ħaseb li se jaljena lill-poplu bil-flus – iżda fir-realtà kompla jinjora l-kriżijiet li ħakmu lil pajjiżna fosthom; l-isplużjoni fil-popolazzjoni, it-tniġġis fil-baħar, is-sistema tal-elettriku li qed tfalli, rata ta’ school leavers li qed tiżdied u lista ta’ stennija twila fl-Isptar Mater Dei, fost l-oħrajn.
Bernard Grech insista li l-poplu jrid mudell ekonomiku ġdid. U huwa biss gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jipprovdi dan.
Il-Kap tal-PN spjega wkoll li snin ilu kien il-PN li għaraf il-problema serja tal-overpopulation; iżda l-Prim Ministru Robert Abela injora dan il-fatt totalment.
Il-Kap tal-PN spjega li r-replika ta’ nhar it-Tnejn se tkun riflessjoni ta’ dak li verament għandu bżonn il-poplu Malti u Għawdxi, bit-temi ta’ din ir-replika mistennija jinkludu wkoll enfasi fuq is-sena miżjuda li wieħed se jkollu jikkontribwixxi għas-sigurtà soċjali.
Huwa spjega wkoll li hu inaċċettabbli li l-Gvern qed jibqa’ jintaxxa l-COLA minkejja li l-imsieħba soċjali flimkien mal-PN qablu li ma għandux jintaxxaha.
Fil-programm ‘Spotlight’, Bernard Grech insista li Gvern ġdid Nazzjonalista li se jagħti tama u kwalità ta’ ħajja aħjar, iżda dan jista’ jsir biss b’onestà u bl-għajnuna tal-poplu kollu.
Intant, il-Kap tal-PN se jkun qed iwassal id-diskors tiegħu fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej. Dan se jkun qed jixxandar LIVE fuq Net Television.
//= $special ?>