Robert Abela u l-Partit Laburista jibqgħu għal darba oħra juru l-arroganza tagħhom billi jinsistu li jintaxxaw iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, minkejja li l-proposta li l-COLA ma tiġix intaxxata mhijiex biss tal-Partit Nazzjonalista imma jaqblu magħha wkoll il-unions u l-għaqdiet kollha ta’ min iħaddem.
Il-PN qal fi stqarrija li minflok jisma’ l-vuċi ta’ min verament qed iħoss l-isfidi tal-għoli tal-ħajja, Robert Abela jrid ikompli jisraq lin-nies.
Abela qed jibqa’ jinsisti li hu biss għandu raġun u li kulħadd ħażin. Din l-attitudni ta’ nuqqas ta’ sensittività mhux biss hija ta’ ħsara għall-familji Maltin u Għawdxin li diġà qed iħossu l-piż taż-żidiet fil-prezzijiet, iżda turi biċ-ċar li għal Abela u l-Partit Laburista m’hemmx interess ġenwin fil-ġid tal-poplu.
L-attakk fuq il-Kap tal-PN Bernard Grech u fuq il-Partit Nazzjonalista għaliex jemmnu li t-taxxa fuq il-COLA għandha titneħħa huwa xejn inqas minn attentat biex jiddevjaw mill-verità. Il-PN dejjem kien ċar li din il-miżura hija għajnuna diretta lill-ħaddiema kollha li qed ibatu b’dawn iż-żidiet fil-prezzijiet.
Jekk verament Robert Abela jmexxi gvern tal-ħaddiem kif jgħid li taparsi jagħmel, għandu jibda billi jieqaf jintaxxa l-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>