Sport

Seminar dwar il-Mobile Journalism f’Malta

Mabrouka Khedir tagħmel intervista bl-użu tal-mobile

L-Għaqda Ġurnalisti Sports organizzat seminar dwar il-Mobile Journalism, ippreżentat mill-ġurnalista rinomata u esperta fil-midja, Mabrouka Khedir. Dan ġie organizzat biex jippromwovi avvanzi fit-tekniki tal-ġurnaliżmu bil-mobile.

Għal dan is-seminar attendew diversi ġurnalisti sportivi u professjonisti fil-midja, flimkien ma’ rappreżentanti minn diversi Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet tal-isport lokali. Is-seminar offra għarfien siewi u diskussjonijiet prattiċi dwar il-ġurnaliżmu bil-mobile fl-ambjent tal-midja moderna u l-ħajja mgħaġġla tal-lum.

Mabrouka Khedir, ġurnalista ta’ suċċess u korrispondent internazzjonali, qasmet l-għarfien espert tagħha fil-ġurnaliżmu bil-mobile. Khedir taħdem mal-istazzjon Ġermaniż DW TV, u dak Franċiż TV5, kif ukoll għandha sfond qawwi fil-ġurnaliżmu ekoloġiku, imsaħħaħ mill-baċellerat fil-ġurnaliżmu u l-masters fid-Discourse Analysis. Fundatriċi tal-ewwel pjattaforma tal-ġurnaliżmu ekoloġiku fit-Tuneżija, COSMOS Media, u sid ta’ 4K Production.

Dawk li attendew kellhom l-opportunità jiddiskutu suġġetti bħal Mobile Storytelling, l-aħħar għodod għall-iffilmjar u l-editjar ta’ kontenut, u strateġiji għal rappurtar ta’ aħbarijiet bl-użu tal-mobile.

Dan is-seminar, li kien iffinanzjat mis-Small Initiatives Support Scheme, immexxi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u appoġġjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, kien opportunità ta’ tagħlim imprezzabbli għall-ġurnalisti u l-professjonisti tal-midja lokali. L-avveniment enfasizza l-importanza tal-użu tal-mobile fil-ġurnaliżmu u sabiex il-parteċipanti jagħmlu użu tajjeb mill-għodod teknoloġiċi speċjalment fil-ġurnaliżmu sportiv.

Fi tmiem is-seminar, il-parteċipanti ġew ippreżentati ċertifikat ta’ parteċipazzjoni mill-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Clinton Buhagiar u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.