L-Uffiċjali fi Spanja konfermaw li l-vittmi tal-għargħar storiku ta’ nofs il-ġimgħa qabżu l-160 u meta mistenni li l-iskwadri għall-emerġenzi fir-reġjun ta’ Valencia u l-madwar ikomplu jirkupraw il-katavri sa, almenu, tmiem il-ġimgħa.
Intant, il-ħaddiema responsabbli mis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi fin-Nofsinar ta’ Spanja qed iwissu biex il-poplu, li jinsab taħt xokk, jistenna aktar aħbarijiet traġiċi fil-jiem li ġejjin. Dan meta huma qed ikomplu jistinkaw bla heda biex isalvaw il-persuni li għadhom ħajjin u li x’aktarx spiċċaw f’sitwazzjonijiet ta’ ħajja jew mewt.
L-ammont ta’ neqsin minħabba l-għargħar baqa’ mhux magħruf iżda fl-aħħar sigħat intbagħtu l-mijiet tas-suldati fl-inħawi ta’ Valencia (wieħed mill-agħar zoni milqutin) biex jgħinu fl-operat ta’ ‘search and rescue’.
Numru kbir ta’ toroq inbidlu f’ibħra tat-tajn wara d-dulluvju rekord ta’ nofs il-ġimgħa li kontribwixxa għall-għargħar qerriedi. Fil-fatt, numru ta’ zoni residenzjali jistgħu jintlaħqu biss bil-ħelikoper minħabba li t-tajn – u l-munzelli tal-karozzi meqrudin – irrendew it-toroq inaċċessibbli.
Il-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi qed imexxu l-ħidma ta’ salvataġġ fost għargħar li kien ilaħħaq sa spallithom. Intant il-kapijiet tal-iskwadri qalu li se jkomplu jaħdmu ‘għal 24 siegħa kuljum’ biex isibu lin-nies irreġistrati bħala neqsin u minkejja l-indikazzjonijiet li ħafna minnhom mietu mgħarrqin.
Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sánchez, fl-aħħar sigħat appella pubblikament biex in-nies ma joħorġux minn djarhom f’ċirkustanzi li baqgħu perikolużi. Hu saħaq ukoll li l-Gvern tiegħu se jkun qed jgħin lir-residenti ta’ Valencia għaż-żmien kollu neċessarju.
Il-Ministru Spanjol għat-Trasport, Oscar Puente, qal ukoll lis-servizzi tal-ferrovija bejn Valencia u l-belt kapitali ta’ Madrid x’aktarx li se jibqgħu sospiżi sa, almenu, tlett ġimgħat oħra minħabba l-effetti tal-għargħar u l-ħsarat sussegwenti.
Tkellem anki r-Re Felipe ta’ Spanja li qal li hu u martu, ir-Reġina Letizia, qegħdin jaqsmu dan il-mument ta’ dulur mal-kumplament tal-poplu. Fl-istess ħin, ir-Re wissa li l-emerġenza għadha mhix mitmuma u fost rapporti li għandha tinżel jerġa’ aktar xita fuq iz-zoni mgħarrqin. Għaldaqstant, komplew l-appelli biex in-nies jibqgħu jsegwu l-aħħar rapporti dwar l-iżviluppi meteoroloġiċi.
Sadanittant, il-bnadar tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussels ( il-kapitali tal-Belġju) qed jittajjru mezz’asta f’sinjal ta’ rispett għall-vittmi tal-għargħar fi Spanja. Il-messaġġ tal-Kummissjoni—minbarra l-impenn ta’solidarjetà mal-familji mġarrbin u l-iskwadi għall-emerġenza — hu li l-għargħar fi Spanja ma rriżultax biss fi traġedja għall-poplu ta’ dan il-pajjiż iżda anki għall-Ewropa.
Min-naħa tagħha, Roberta Metsola, bħala l-President tal-Parlament Ewropew, sostniet li l-‘Ewropa kollha qed tibki lil kulmin tilef ħajtu fl-għargħar’ u li ‘l-Ewropej kollha qegħdin jiffaċċjaw it-traġedja ‘ikoll flimkien’.
//= $special ?>