Ħalliel armat u bil-barnuża li allegatament żamm fattiga f’bar f’Paceville kontra l-volontà tiegħu u telaq b’eluf fi flus kontanti, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti l-Ħamis. Viktor Markovic, Serb ta’ 41 sena li ddeskriva lilu nnifsu bħala “uffiċjal tas-sigurtà professjonali,” ġie arrestat nhar it-Tlieta wara li l-Pulizija ssegwi ċertu movimenti tal-karozza tiegħu.
L-Ispettur tal-Pulizija Lydon Zammit qal li l-Pulizija ġew infurmati bis-serqa għall-ħabta tas-6am tas-6 ta’ Ottubru. Il-ħalliel daħal fil-bar ta’ Triq Santa Rita minn bieb u ġie wiċċ imb wiċċ ma’ cleaner li dak il-ħin kien waħdu. Huwa talbu flus kontanti iżda l-cleaner ma kien jaf xejn dwar il-flus miżmuma fl-istabbiliment u ma setax joffri kooperazzjoni.
Il-ħalliel imbagħad daħal f’uffiċċju u għen lilu nnifsu biex ħa l-flus li sab f’armarju, u ħarab b’xi €6,500. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li s-suspettat kien wasal fuq il-post tad-delitt b’Honda Fit li kienet ipparkjata ftit ‘il bogħod.
Il-Pulizija intraċċaw ir-rotta tal-vettura minn u lura lejn residenza ta’ Bahar iċ-Ċagħaq fejn ġew arrestati żewġ persuni oħra. Aktar investigazzjoni wrew l-involviment ta’ Markovic fir-reat. Huwa kien arrestat nhar it-Tlieta f’Għawdex.
Il-Ħamis huwa wieġeb mhux ħati ta’ serq aggravat, li weġġa’ ħafif lill-cleaner, ikkaġunalu biża’ ta’ vjolenza u żammu kontra r-rieda tiegħu. Huwa ċaħad ukoll li ġarr arma u liebes maskra waqt l-allegat reat, kif ukoll li kiser erba’ settijiet differenti ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ, l-aħħar waħda maħruġa f’Mejju.
L-avukati tiegħu ma talbux il-libertà proviżorja f’dan l-istadju. Il-Maġistrat Victor George Axiak, laqa’ t-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ protezzjoni favur il-fattiga u sid il-bar, u wissa lill-imputat bil-konsegwenzi legali li kieku kellu jikser dik l-ordni.
L-avukati tal-AĠ Justine Brincat u Joseph Camilleri Azarov mexxew il-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Jean Claude Mangion. L-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb kienu l-avukati difensuri. L-avukat Beppe Darmanin deher għas-sidien tal-bar.