Lokali

Wara l-ordni tal-Qorti, il-PBS kompla jxandar reklam illegali

“Huwa inaċċettabbli li wara l-ordni tal-Qorti, il-PBS kompla jxandar reklamar politiku illegali.”

Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Qorti b’rabta ma’ dak li seħħ il-Ħadd li għadda, ċioè lejlet il-budget, meta il-PBS xandar reklamar politiku b’rabta mal-Budget – azzjoni li hija illegali.

Michael Piccinino spjega kif taħt il-liġi Maltija reklamar politiku jista’ jixxandar biss meta jkun hemm skema mill-Awtorità tax-Xandir li bħalissa m’hemmx. U kien għalhekk li t-Tnejn li għadda l-Qorti tat raġun lill-Partit Nazzjonalista.

Iżda minkejja l-ordni tal-Qorti biex l-ispot politiku jitwaqqaf… il-PBS kompla jxandar dan il-filmat ta’ propaganda. Michael Piccinino spjega wkoll li waqt smigħ li sar mal-Awtorità tax-Xandir ġie kkonfermat li nħarġet akkuża fil-konfront tal-PBS minħabba xandir ta’ spot li qed imur kontra l-liġi.

Hawnhekk, Michael Piccinino sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jistenna rimedju effettiv għal dan il-ksur – sitwazzjoni li l-Partit Nazzjonalista affaċċja diversi drabi.

Kien għalhekk ukoll li matul il-jum tal-Ħamis, il-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni tal-Qorti b’rabta mal-aġir tal-PBS.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm l-Avukat Paul Borg Olivier li qed imexxi l-proċeduri f’dan il-każ.