Żewġ sewwieqa ta’ muturi ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku lbieraħ.
L-ewwel inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-16:15, fi Triq Għar Dalam, iż-Żejtun, fejn għal xi raġuni seħħet ħabta bejn mutur Yamaha GPD li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 31 sena residenti Ħal Għaxaq, u Suzuki Swift li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 46 sena resident Ħal Għaxaq ukoll.
It-tieni inċident seħħ ftit sigħat wara għall-ħabta tat-20:30, fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Kirkop, fejn seħħet ħabta bejn mutur Suzuki GSX misjuq minn raġel ta’ 29 sena residenti l-Marsa, u Toyota Vitz li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 34 sena residenti Ħal Kirkop.
Tim mediku assista fiż-żewġ inċidenti u ż-żewġ sewwieqa tal-muturi ttieħdu l-isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>