Raġel li abbuża sesswalment minn tifla taħt l-età tas-sieħba tiegħu, fejn ħareġ fil-Qorti li kien imissha b’mod intimu u wara pprova jiġġustika l-aġir tiegħu billi qal li kulma għamel kienet biss “ċajta”, ġie kkundannat għal erba’ snin u ħames xhur ħabs.
Il-każ ġie żvelat f’April 2022 meta mara u ż-żewġt ibniet żgħar tagħha marru fid-depot tal-Pulizija biex jippreżentaw rapport dwar is-sieħeb abbużiv tal-omm, xufier tat-taxi ta’ 42 sena. Wara diversi episodji abbużivi, l-omm u l-bniet fl-aħħar għamlu l-kuraġġ li jitilqu minn darhom u, akkumpanjati min-nannu, marru jagħmlu rapport lill-Pulizija.
Dakinhar, l-omm u waħda mit-tfajliet kienu fil-kċina meta l-kelb tal-familja f’daqqa waħda beda jinbaħ, u qajjem lill-akkużat li b’rabja kien ilmenta li ma setax jorqod. Imbagħad ċempel il-mowbajl tiegħu. Ftit wara, beda jgħajjat mas-sieħba u bintha li weġbuh lura. Ir-raġel beda jinsulenta b’mod verbali lit-tfajla, u jsemmi b’mod diżpreġattiv lil missierha.
Eżatt kif kienet se toħroġ mid-dar, ir-raġel beda jhedded, “jekk missierek jazzarda jiġi hawn, inkissirlu wiċċu.” It-tifla ħarġet barra biex iċċempel lil nannuha, filwaqt li ommha u l-akkużat baqgħu jargumentaw ġewwa.
Dik ma kinitx l-ewwel darba li l-mara u t-tfal bniet tagħha ġew insulentati u mhedda mis-sieħeb abbużiv u aggressiv tagħha, qalet il-minuri aktar tard lill-Pulizija. Iżda ommha dejjem beżgħet minn vendetta, sostniet it-tifla.
Madankollu, meta t-tlieta waslu fid-depot, ħarġu allegazzjonijiet aktar serji. Waħda mill-minuri, li dak iż-żmien kellha 15-il sena, irrakkontat kif kienet ġiet abbużata sesswalment mis-sieħeb t’ommha. Ir-raġel kien isejħilha fil-kamra tas-sodda “biex titkellem.” Imbagħad, hekk kif kienet toqgħod bilqiegħda fuq is-sodda kien jersaq lejha u jressaq idu sa driegħha, u jmissilha sidirha.
Kien jgħidilha li kien iħobbha. Dan ġara diversi drabi, sostniet it-tfajla. Darba ġibdet ritratt ta’ idu waqt li messha. It-tifla wriet ir-ritratt fuq il-mowbajl tagħha lill-Pulizija. Id raġel, liebes ċurkett tad-deheb u brazzuletta, kienet tidher b’mod ċar, tmiss is-sider tat-tifla waqt li qagħdet bil-kelb fuq ħoġorha.
Sussegwentement ir-ritratt ġie ppreżentat bħala evidenza. It-tifla spjegat li kienet ilha trid tirrapporta, iżda baqgħet tibża’ sal-aħħar inċident. Sostniet ukoll li s-sieħeb ta’ ommha daħal darbtejn fil-kamra tal-banju waqt li kienet hemm, darba minnhom waqt li kienet qed tieħu “shower”.
Oħtha kkonfermat li l-bieb tal-kamra tal-banju ma kellux ċavetta. Omm it-tifla, li sostniet li saret taf biss dwar il-kalvarju ta’ bintha meta t-tifla tkellmet fid-depot, qalet li kienet ilha ssostni l-imġiba abbużiva tas-sieħeb tagħha.
Kull meta kien hemm argument, kien jhedded li jkisser il-karozza tagħha jew jumiljaha fuq il-post tax-xogħol tagħha, ħafna drabi jitkellem b’mod vulgari u jirreaġixxi b’mod aggressiv. Dak ir-rapport wassal għal investigazzjonijiet tal-Pulizija u akkużi kriminali fil-konfront tar-raġel li kien akkużat b’atti sesswali mhux kunsenswali mal-minuri, li ssuġġettaha għal atti ta’ intimità fiżika, atti b’konnotazzjonijiet sesswali kif ukoll li insulenta u hedded lis-sieħba tiegħu u lil bniet.
Huwa dejjem ċaħad dawn l-akkużi. Meta tat is-sentenza, il-Qorti ddikjarat li “mingħajr dell ta’ dubju” li tmiss is-sider u l-warrani tat-tifla kien att sesswali mhux kunsenswali. Wara li eżaminat l-evidenza kollha, il-Qorti kkonkludiet li l-verżjoni tat-tifla kienet kredibbli.
Kienet dejjem konsistenti u tat ammont sinifikanti ta’ dettalji. L-akkużat qatt ma kkontradixxa dak ir-ritratt, u lanqas il-verżjoni tagħha, iżda kien pjuttost evażiv. Fl-istqarrija tiegħu tal-Pulizija, huwa ċaħad li kien hemm xi konnotazzjonijiet ‘sesswali’ fl-azzjonijiet tiegħu, u qal li kieku dan kien minnu, it-tfajla kienet tagħtih daqqa ta’ ħarta flok tħallih u mhux tidħaq.
Huwa qal lill-uffiċjal interrogatur li ġieli mess is-sider tal-minuri “imma mhux għal għan sesswali. Iffaċċjat bir-ritratt, ma ċaħadx li dik kienet idu. “Imma idu kienet ‘il fuq u mhux kif qalet it-tifla, huwa sostna. Il-Qorti osservat li l-akkużat ammetta l-azzjonijiet tiegħu iżda pprova jġibhom jidhru bħala xi tip ta’ ċajta.
Madankollu, dan kien “argument fallazz”, qalet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Kien jaf sew li kienet minorenni, bint is-sieħba tiegħu u li kien imissha mill-qrib. “Kieku ried jiċċajta, seta’ jagħmel dan b’mezzi oħra leċiti u normali,” irrimarkat il-Qorti.
Fil-proċeduri, l-akkużat għażel id-dritt tiegħu għas-silenzju. Ix-xhieda tiegħu setgħet għenet lill-Qorti biex tevalwa s-sitwazzjoni b’mod aktar analitiku, osservat il-Maġistrat. Meta tqies kollox, il-Qorti sabet lir-raġel ħati u kkundannatu għal ħabs effettiva ta’ erba’ snin u ħames xhur. Ismu għandu jiġi inkluż ukoll fir-Reġistru ta’ Reati sesswali.
L-Avukat Mark Busuttil deher parte civile.