Lokali

BirdLife Malta tniedi l-kampanja ta’ attiviżmu ċiviku kontra l-insib tal-għasafar tal-għana


BirdLife Malta (BLM) nediet kampanja ta’ attiviżmu ċiviku biex tindirizza l-insib tal-għasafar tal-għana li l-gvern qed jippermetti bl-iskuża tar-“riċerka”. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tikxef l-insib illegali ta’ speċi protetti madwar Malta u Għawdex u tagħti s-setgħa lill-pubbliku b’għodod biex ikun jista’ jidentifika u jirrapporta dawn l-attivitajiet.

Il-kampanja twieġeb għan-nuqqas ta’ rispett tal-gvern lejn id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’Settembru li għadda, li sabet lil Malta ħatja li kisret id-Direttiva tal-Għasafar tal-UE billi ppermettiet l-insib tal-għasafar tal-għana taħt deroga ta’ “riċerka”. Minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-gvern li din kienet inizjattiva ta’ “citizen science,” id-deroga effettivament awtorizzat lil aktar minn 3,000 nassab biex jaqbdu l-għasafar tal-għana, jiċċekkjaw għandhomx ċrieket u jeħilsuhom. Madankollu, stħarriġ ta’ BLM is-sena l-oħra wera li nqabdu aktar minn 51,400 għasfur tal-għana, u li ħafna injoraw l-iskop tar-“riċerka” u żammew l-għasafar illegalment.

“Ħafna nies jistmerru l-ħsieb ta’ għasfur selvaġġ maqbud f’gaġġa żgħira bl-iskuża ta’ tradizzjoni, aħseb u ara bl-iskuża ta’ riċerka li ġiet iddikjarata illegali. L-involviment veru taċ-ċittadini għandu jħares lil dawn l-għasafar milli jinqabdu illegalment,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ BLM Mark Sultana.

Skont ċifri ppubblikati mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), 2,851 mansab huma awtorizzati għall-insib tal-għasafar tal-għana, u 1,545 mansab ieħor huma awtorizzati għall-insib tal-pluvieri u l-malvizzi. BLM immarkat dawn il-postijiet fuq Google Maps, u għamlithom aktar aċċessibbli għall-pubbliku biex jivverifika l-imnasab awtorizzati u jgħin biex jonqos l-insib illegali.

  1. Ara l-mappa:
    Żomm il-mappa tagħna fuq il-mowbajl tiegħek
    https://www.google.com/maps/d/u/2/edit?mid=1Sh0qKBbyOFkDJiXIXox4BTt
    BPtkN8iM&ll=35.972991489850486%2C14.552170010382222&z=11
  2. Żomm il-mappa tagħna fil-mowbajl tiegħek
    Iċċekkja jekk il-mansab hux legali jew le mill-mappa bil-GPS. Jekk tara xbieki f’sit
    li mhuwiex immarkat fil-mappa, hemm ċans ta’ nsib il
  1. Iċċekkja hux isir insib illegali tal-għasafar tal-għana
    Huma biss dawk l-għasafar tal-għana b’ċurkett magħluq, li jkun tlibbes lill-għasfur meta faqqas, li jistgħu jinżammu fl-imnasab. L-għasafar mingħajr ċrieket jitqiesu selvaġġi u huwa illegali li żżommhom. Jekk tara xi xbieki jaqbdu l-għasafar, osserva jekk jinħelsux jew jitteħdux f’kamra jew f’xi vettura. Meta possibbli, ħu ritratti, filmati u mmarka l-lokazzjoni fuq il-mappa.
  2. Ara hemmx xbieki miftuħin waħedhom:
    In-nassaba għandhom iżarmaw jew jgħattu l-mansab meta ma jkunux preżenti
    fis-sit. Meta ma jkun hemm ħadd ma’ xbieki attivi, jistgħu jinqabdu annimali oħra
    bħal sriep, qniefed u għasafar oħra. Jekk tara mansab irreġistrat bix-xbieki
    esposti u ma jkunx hemm ħadd magħhom, ħu ritratt u żomm nota tal-lokazzjoni.
  3. Tgħallem kif tirrapporta
    Irrapporta kwalunkwe illegalità bir-ritratti, il-filmati u l-lokazzjoni fil-mappa lill-:
  • Pulizija f’Malta billi ċċempel 119 (staqsi għall-Environmental Protection Unit,
    EPU).
  • Pulizija f’Għawdex billi ċċempel fuq 21562040.
  • BirdLife Malta fuq Facebook Messenger, email fuq info@birdlifemalta.org jew
    billi ċċempel 21347645 (fil-ħinijiet tal-uffiċċju) jew 79255697 (wara l-ħinijiet
    tal-uffiċċju).

Dawn il-ħames miżuri jistgħu jgħinu biex l-għasafar tal-għana jpassu bla periklu minn fuq il-Gżejjer Maltin. Bis-sehem tagħhom, iċ-ċittadini jippromwovu t-trasparenza fil-konservazzjoni u jgħinu biex iżommu lin-nassaba, lill-federazzjoni tal-kaċċa u lill-gvern kontabbli għal din id-deroga

L-istaġun tal-insib huwa miftuħ sal-20 ta’ Diċembru u mistennija jinqabdu illegalment għexieren ta’ eluf ta’ għasafar tal-għana. BirdLife Malta tħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu azzjoni kontra l-insib illegali tal-għasafar tal-għana u biex insemmgħu leħinna favur in-natura.