Wara li 18-il xahar ilu Robert Abela ddikjara li għandha tinbidel il-liġi biex żviluppi b’appell kontrihom ma jibdewx sakemm l-appell ikun pendenti, il-Gvern, permezz ta’ Transport Malta, ta struzzjonijiet biex jibda l-iżvilupp tal-Capitainerie fil-Marina ta’ Ta’ Xbiex meta l-permess kien għadu taħt appell.
Minkejja li saret konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni s-sena li għaddiet, il-Gvern għadu ma pproduċa ebda riżultat konkret, u b’hekk qed jagħmel l-oppost ta’ dak li stqarr Robert Abela nnifsu. Robert Abela għandu jmexxi bl-eżempju u jara li l-Gvern tiegħu ma jwettaqx żviluppi fuq permessi li għadhom taħt appell. Issa wasal il-waqt li mill-paroli jgħaddi għall-fatti u jara li l-Gvern stess jimplimenta dak li qal li għandu jsir.
Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ambjent; u Stanley Zammit, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, qalu fi stqarrija li l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ din ir-riforma hija essenzjali biex tiżgura li l-proġetti ta’ żvilupp jimxu ’l quddiem b’mod sikur, responsabbli, sostenibbli, u legali. Taħt is-sistema attwali, il-proċess tal-appell huwa dgħajjef, peress li jippermetti li proġetti potenzjalment dannużi jkomplu mingħajr kontroll. Mingħajr dawn il-garanziji, l-applikanti u s-sidien ġodda jistgħu jsibu ruħhom f’limbu legali, jiffaċċjaw spejjeż kbar jekk l-appell jinqata’ kontra tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-appellanti spiss isibu li anke jekk l-appell tagħhom jintlaqa’, il-kostruzzjoni tkun diġà għamlet ħsara li ma tistax tiġi rriversjata.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob ukoll li jkun stabbilit perjodu strett ta’ żmien biex jiġi żgurat li t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) u l-Qrati jieħdu deċiżjonijiet dwar żvilupp li jkun qed jiġi appellat b’mod veloċi u deċiżiv. Is-suċċess ta’ din ir-riforma se jiddependi fuq it-twaqqif ta’ sistema ċara u effiċjenti li tippermetti smigħ ġust għaż-żewġ partijiet fl-iqsar żmien possibbli, u b’hekk tnaqqas l-inċertezza bla bżonn għall-iżviluppaturi u l-appellanti.
Spjegaw li l-appelli ma jitressqux għalxejn b’xejn. Huma mezz essenzjali biex iċ-ċittadini jkollhom serħan il-moħħ, biex jiġi mħares l-ambjent, u biex tkun żgurata kwalità tal-ħajja aħjar. Huwa d-dmir tal-Gvern li joffri direzzjoni politika deċiżiva u jwettaq din ir-riforma komprensiva tant meħtieġa fis-setturi tal-ippjanar u l-kostruzzjoni. Il-bidla vera ma tistax tinkiseb b’miżuri iżolati u parzjali; il-Gvern għandu jagħti prijorità lil soluzzjoni olistika li twassal biex jinqata’ darba għal dejjem dan id-dewmien kontinwu u l-proċess tal-ippjanar f’Malta jerġa’ jikseb l-integrità li tixraqlu.
//= $special ?>