Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern jagħmel sarima ma’ ħalq l-għalliema

Rabja kbira fost l-għalliema wara li nkixfet Direttiva li ħareġ il-Gvern li permezz tagħha jrid jagħlaq ħalq l-edukaturi. Bl-għalliema issa jridu bilfors iġibu permess bil-miktub qabel jitkellmu fuq il-midja, jew jipparteċipaw f’xi programm.

Din ir-regola ddaħlet permezz ta’ ċirkolari li nżammet mistura – Ċirkulari Numru 28.2024 li ħarġet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

L-istess ċirkolari tindika li l-Gvern lest jieħu “azzjoni” fuq kull edukatur li jikser din ir-regola l-ġdida li qed tiġi imposta.

Ir-regolar tapplika wkoll għall-programmi tar-radju u anke għal min jipparteċipa f’podcast.

Fl-aħħar sigħat, il-UPE kitbet lid-Direttur Ġenerali tal-Edukazzjoni sabiex jirtira din id-Direttiva.

Il-UPE qed tinsisti li din id-direttiva tal-Gvern mhix biss ksur tad-dritt tal-espressjoni, iżda tagħmel ħsara wkoll fuq is-soċjetà b’mod ġenerali minħabba l-fatt li ċċaħħad lin-nies mill-għarfien enormi li kull għalliem jista’ jaqsam b’mod pubbliku.