Kultura Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jżur wirja fil-Fgura

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilbieraħ żar wirja li qed titella’ fil-bini tal-Kunsill Lokali tal-Fgura bit-tema “Ħiliet il-Fgurin”.

Din hija l-ħames edizzjoni ta’ din is-sensiela ta’ wirjiet li l-Kunsill Lokali tal-Fgura, permezz tal-Kunsillier Charles Bonello responsabbli mill-Ambjent, Kultura, Wirt Storiku u Ġemellagġġ, qed jorganizza.

Sentejn ilu, il-Kunsill Lokali tal-Fgura kien ħa inizjattiva u għamel sejħa lir-residenti tal-Fgura sabiex min għandu xi talent kulturali japplika sabiex ikun jista’ jesebixxi x-xogħlijiet tiegħu mingħajr ħlas. Għall-ewwel sejħa l-Kunsill Lokali tal-Fgura kellu 12-il applikazzjoni u ftit xhur ilu reġa’ ħareġ sejħa simili u applikaw sitt residenti oħra.

Din l-inizjattiva qed isservi sabiex diversi talenti tar-residenti li kien moħbi u mitluf joħroġ fil-pubbliku u jitgawda minn kulħadd. Iktar minhekk, permezz ta’ dawn l-inizjattivi, dawn l-artisti li l-maġġoranza l-kbira tagħhom qatt ma kellhom l-opportunità li jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom fil-pubbliku jingħatalhom il-kuraġġ sabiex joħorġu mill-qoxra tad-dar tagħhom u juru l-ħiliet tagħhom.

Fil-wirja li qed tiġi organizzata bħalissa qed jieħdu sehem 3 artisti li huma Michael Curmi permezz ta’ diversi skulturi fl-injam; Marlene Grech permezz ta’ diversi pitturi b’mediums differenti; u Sylvana Cutajar b’numru ta’ kwadri kemm bil-Cross Stitch u anke rrakkmu.