Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta sarima ma’ ħalq l-għalliema” – PN

Titressaq talba quddiem l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Edukazzjoni

Gvern li jipprova jsodd ħalq l-għalliema hu Gvern li ma jistħix juri n-nuqqas ta’ rispett li għandu lejn l-edukaturi.

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li xi ħadd, u wisq inqas il-Gvern, ipoġġi sarima ma’ ħalq l-edukaturi tagħna.

Permezz tax-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, il-Partit Nazzjonalista ressaq talba (li ġiet ukoll mehmuża ma’ din l-istqarrija) lill-Ombudsman l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit biex jivestiga u jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar iċ-ċirkolari ‘DG DES 28/2024’ tal-25 ta’ Settembru tal-2024, intitolata “Policy on the Participation of Educators in Media Appearances in Their Professional Capacity”, maħruġa mid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi, Ritienne Borg Saliba.

Il-PN qed jagħmel dan biex jissalvagwardja d-drittijiet tal-għalliema u l-edukaturi.

Iċ-ċirkolari maħruġa mill-Gvern, tispeċifika li kull edukatur irid jitlob bil-miktub l-approvazzjoni tad-Diretttur Ġenerali sabiex jipparteċipa fuq mezzi tal-media jekk id-diskussjoni jkollha rabta mal-qasam Edukattiv.

Agħar minn hekk, iċ-ċirkulari tistipula li l-edukaturi jsegwu l-linja politika tal-Gvern tal-ġurnata.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li din iċ-ċirkulari toħnoq il-libertà tal-espressjoni ta’ kull edukatur bħala individwu u ċittadin meta tafferma li kull edukatur ma jistax jagħti l-ideat tiegħu personali dwar il-qasam tal-edukazzjoni u tiddetta x’għandu jintqal.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ ukoll lill-għalliema u lill-edukaturi kollha sabiex jitkellmu dwar id-diskrepanzi li setgħu kellhom fl-arretrati li rċivew ilbieraħ. Huwa diżappuntanti li l-Gvern ma kienx kapaċi jagħti lill-għalliema dak li ħaqqhom mingħajr tgerfix.