Budget 2025 Lokali

“Iż-żieda fil-paga minima mhijiex biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż bażiċi ta’ ħajja diċenti” – Caritas

Filwaqt li tirrikonoxxi li kien hemm żieda fil-paga minima, u anki aġġustament fit-tax bands, dan id-dħul xorta mhux se jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż bażiċi ta’ ħajja diċenti.

Hekk qalet Caritas Malta fi stqarrija maħruġa lbieraħ b’reazzjoni għad-diskors tal-Baġit 2025 mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana t-Tnejn li għadda.

L-istqarrija kompliet tgħid li ż-żieda fil-pensjonijiet hi milqugħa; madankollu, hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-koppji anzjani li jiddependu fuq pensjoni waħda, hekk kif joħroġ ċar mill-istudju reċenti ta’ Caritas Malta. Dawn l-anzjani mhumiex ilaħħqu mal-bżonnijiet bażiċi għal ħajja diċenti.

“Fost l-oħrajn jeħtieġ li jiġi kunsidrat li dawk li jkollhom biżżejjed kontribuzzjonijiet iżda ma jkunux laħqu l-età tal-pensjoni jkunu eliġibbli għall-pensjoni anke jekk jibqgħu jaħdmu. B’hekk nippromwovu l-anzjanità attiva waqt li nagħtu opportunità ta’ dħul aħjar.”

Filwaqt li elenkat ċerti miżuri li sejħitilhom pożittivi, bħat-titjib fis-sistemi ta’ appoġġ soċjali, sentejn krediti ta’ sigurtà soċjali għal dawk li jtemmu programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga, allowances aħjar għall-familji, żidiet għall-ħaddiema u r-reviżjonijiet li saru fit-taxxa kif ukoll l-appoġġ għall-familji li jagħżlu jadottaw jew jiffosterjaw, iktar appoġġ kif mistħoqq lil dawk fuq pensjonijiet ta’ diżabbiltà kif ukoll li tkompliet il-COLA addizzjonali għall-familji bi dħul baxx u l-vouchers għal xiri ta’ kotba lit-tfal kollha, Caritas qalet li għandhom jiġu indirizzati l-konsegwenzi u l-pressjonijiet kollha taż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, inkluż l-isfidi għas-saħħa mentali, u l-protezzjoni ta’ dawk l-iktar vulnerabbli għall-abbuż, fosthom immigranti.

Jibqa’ l-fatt li mal-miżuri soċjali li fih dan il-Baġit li jwieżnu lil dawk iktar vulnerabbli fl-immedjat, hu essenzjali li l-Gvern, korpi kostitwiti, is-soċjetà ċivili u l-għaqdiet volontarji jaħdmu bis-sħiħ biex jitrażżan kull abbuż li ġej mill-kilba għamja għall-flus li teqred lill-bniedem u l-ambjent li jgħix fih. Kif ukoll bi pjan ħolistiku u b’kordinament effettiv, jiġu tassew inċentivati proġetti, kumpaniji u għaqdiet li jaħdmu bis-sħiħ għal ekonomija tassew soċjali b’rispett għall-ambjent.

Caritas qalet ukoll li l-kriterji ta’ eliġibbilità għas-sussidju tal-kera jeħtieġu reviżjoni. L-ammont massimu ta’ dħul biex tkun eliġibbli għas-sussidju tal-kera hu ta’ €25,149 f’paga netta. Dan ifisser li familji li jaqbżu dan il-limitu ma jkunux eliġibbli għas-sussidju, minkejja li f’diversi każijiet id-dħul nett tagħhom jibqa’ insuffiċjenti biex ikopri l-bżonnijiet għal ħajja diċenti.

L-istqarrija tgħid ukoll li familji bi dħul baxx jistgħu jsibuha diffiċli li jaffordjaw investimenti ‘green’ minkejja l-inċentivi tat-taxxa, u hemm bżonn ta’ aċċess affordabbli għal enerġija sostenibbli.