L-aħħar stħarriġ popolari fl-Istati Uniti qed juri li l-Viċi President Amerikan Kamala Harris (tal-Partit Demokratiku) b’vantaġġ ta’ punt perċentwali wieħed biss fuq ir-rivali Repubblikan, Donald Trump.
L-aħħar ċifri fuq skala nazzjonali indikaw li Harris qed tgawdi 48 fil-mija tal-appoġġ kontra s-47 fil-mija għal Trump – madankollu, l-osservaturi mhumiex iqisu x-xejra bħala daqstant sinifikanti, speċjalment ladarba Trump kien ħareġ ħafna aktar b’saħħtu milli kien imbassar waqt iż-żewġ elezzjonijiet (presidenzjali) preċedenti.
Il-proċess magħruf bħala ‘national polling’ lanqas ma juri l-istampa ċara tal-proċess peress li s-sistema tal-‘electoral college’ tfisser li huma biss ftit fost l-Istati Amerikani (Swing States) li għandhom ikunu determinanti għar-riżultat finali tal-elezzjoni tal-5 ta’ Novembru. Dan ukoll meta dawn l-Istati kapaċi jmorru kemm naħa kif ukoll l-oħra anki minħabba l-ammonti sinifikanti ta’ votanti indeċiżi.
Fil-fatt – u irrispettivament mill-aħħar stħarriġ fuq bażi nazzjonali – Donald Trump qed igawdi vantaġġ minimu ħafna fis-‘Swing States’ ta’ Arizona, Georgia, Nevada, North Carolina u Pennsylvania.
Sadanittant, Kamala Harris ilha minn Awwissu tgawdi vantaġġ f’Michigan u Wisconsin – iż-żewġ Stati l-oħra li kapaċi jiddeċiedu r-rebbieħ tal-elezzjoni. Madankollu, Trump qed jidher li rkupra xi ftit tal-appoġġ anki f’dawn iż-żewġ Stati.
Hu importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika hu biss indikatur ta’ fejn jista’ qed iħabbat il-polz tal-poplu – u mhux sistema preċiża li permezz tagħha wieħed jista’ jbassar ir-riżultat tal-elezzjoni li jmiss.
Fl-istess ħin, l-eżerċizzji individwali li joħorġu b’dawn l-indikaturi għandhom ukoll marġni għal miskalkulazzjoni ta’ bejn tlieta u erba’ punti perċentwali. Aspett li kapaċi jfisser li l-ebda fost il-kandidati – Harris u Trump – mhuma sejrin aħjar jew agħar milli qed jissuġġerixxu ċ-ċifri.
//= $special ?>