Sport

Malta tipparteċipa fil-kungress annwali tal-ETTU

Alex Anastasi ġie magħżul bħala l-kandidat ideali

Il-Kungress Annwali tal-European Table Tennis Union sar ftit tal-jiem ilu fil-belt Awstrijaka ta’ Linz waqt il-kampjonati Ewropej li kienu qed isiru hemmhekk.

Malta kienet rappreżentata mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-table tennis John Sciberras. Fost temi li kien hemm fl-aġenda onorat lill-plejer veteran Alex Anastasi bil-midalja tal-unur.

L-ETTU talbet għan-nominazzjonijiet minn kull pajjiż u Anastasi ġie magħżul bħala l-kandidat ideali. Anastasi rċieva dan l-unur prestiġjuż flimkien ma’ atleti oħra barranin li ddistingwew ruħhom għal snin twal f’dan l-isport.

Anastasi mhux wiċċ ġdid għat-table tennis lokali u internazzjonali hekk kif okkupa l-kariga ta’ plejer, kowċ, uffiċjal u saħansitra President tal-Assoċjazzjoni.

Sadanittant Pedro Miguel Moura se jkun il-President ta’ din l-għaqda Ewropea tat-table tennis.

Waqt dan iż-żmien fejn kien qed isir il-kungress, il-President John Sciberras kellu numru ta’ laqgħat li bihom issaħħu l-kollaborazzjonijiet u anke r-rabtiet bejn diversi assoċjazzjonijiet.

Il-kampjonati Ewropej fil-belt Awstrijaka ta’ Linz