Lokali

Mhux ħati li wettaq atti sesswali fuq it-tifla tal-eks sieħba: Riedet tivvendika ruħha minnu

Vince Sammut ta’ 49 sena ma nstabx ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li kkommetta atti ta’ natura sesswali fuq tifla ta’ 12-il-sena. Wara li semgħet il-provi l-Qorti qalet li dan kollu juri li l-eks sieħba ta’ Sammut kienet li akkużatu li wettaq dawn l-atti u dan biex l-omm tuża’ lil bintha sabiex tagħmel vendikazzjoni fuqu u tipprova tħarbatlu ħajtu.

Skont l-omm l-każ kien seħħ fit-30 ta’ Jannar 2021 u qabel skont meta allegat li l-eks sieħeb tagħha kien jipprova jbus lil bintha fuq xuftejha u joqgħod imissilha saqajha meta jkunu bilqiegħda fil-karozza. Sammut minn naħa tiegħu qal li ġieli bies lit-tifla fuq wiċċha u taptpilha fuq l-irkoppa.

Qal ukoll li l-eks sieħba tiegħu bdiet tallega dan kollu wara li hu temm ir-relazzjoni. Fil-Qorti, l-omm ammettiet li kienet tgħir għax kien jirrispetta aktar lil bintha u kienet toqgħod b’seba’ għajnejn li ma tkunx waħedha miegħu.

Bintha kkonfermat il-verżjoni t’ommha u qalet li r-raġel kien jaqbad u jidħol f’kamritha. Qalet ukoll li l-abbuż seħħ fil-preżenza ta’ ommha iżda għażlet li tibqa’ siekta minħabba li r-raġel kellu ħabta jinfexx jgħajjat u jinsulenta lill-omm.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit innotat li x-xhieda tal-omm u l-bint kienu wisq identiċi u staqsiet liema omm tkun qed tara lil bintha tiġi abbużata u tkompli bir-relazzjoni. Il-Qorti innotat ukoll li l-prosekuzzjoni setgħet matul l-erba’ snin ta’ proċeduri ttella’ xhieda oħra sabiex jikkorroboraw dak li kien qiegħed jiġi allegat.

Fosthom hemm oħt it-tifla u z-zija tagħha li tiġi oħt ommha, kif ukoll il-ħaddiema soċjali. Dawn kollha setgħu kienu xhieda li kienu kapaċi joffru iktar kjarezza kemm lill-Qorti kif ukoll lill-prosekuzzjoni. Jista’ jkun li dan ma sarx għar-raguni li l-istess prosekuzzjoni kienet konxja li l-każ fih innifsu kien zopp minn dawk l-elementi essenzjali għal kawża kriminali biex tirnexxi.

Il-Qorti għamlet referenza għall-fatt li matul ir-relazzjoni bejn l-akkużat u omm it-tifla, li damet sitt snin, kienet biss fl-aħħar sena li l-vittma minuri kienet skomda bil-prezenza tal-akkużat. Il-Qorti ssib dan il-fatt bħala koinċidenza suspettuża peress li dik l-aħħar sena kienet ukoll is-sena li l-partijiet kienu illitikaw l-iktar.

Il-Qorti tiddeplora l-fatt li omm it-tifla ddeċidiet biex tuża lit-tifla sabiex toħloq vendikazzjoni lejn Sammut u tipprova tħarbatlu ħajtu. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti illiberat lil Vince Sammut minn kull akkuża.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Roderick Attard.