Lokali Qorti

Mixli li ħajjar persuni jmorru Franza u jisplodu lilhom infushom

Raġel ta’ 32 sena mill-Kosta tal-Avorju nżamm arrestat wara li beda jħajjar persuni biex imorru Franza u jisplodu lilhom infushom f’attakk terrorisku. Mouhamadou Dosso wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo. b’akkużi relatati ma’ tixrid ta’ materjal estremista.

Huwa ġie arrestat f’operazzjoni li seħħet għall-ħabta tal-5am, fi Triq Giovanni Barbara, il-Ħamrun, b’rabta ma’ tixrid ta’ materjal estremista. L-arrest sar wara ġimgħat ta’ sorveljanza u analiżi ta’ intelliġenza, b’ħidma koordinata bejn diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija.

Fl-operazzjoni, il-Pulizija ċċirkondat żewġ propjetajiet biswit xulxin li minnhom, fost oħrajn, ġew elevati diversi oġġetti elettroniċi fosthom servers, marbuta ma’ tixrid ta’ materjal estremista. Ir-raġel arrestat ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Huwa mifhum li r-raġel kien qed jitkellem ma’ xi persuni fuq Facebook Messenger u jħajjarhom imorru Franza u jisplodu lilhom infushom f’attakk terroristiku. Id-difiża ddikjarat li f’dawn l-istadju tal-proċeduri mhux se titlob għal benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Zachary Zammit u Mohammed Shurrab flimkien mal-Avukati Dejan Darmanin u Mauro Abela. Għall-akkużat deher l-Avukat Victor Bugeja.