Lokali

Mumenti ta’ tensjoni fil-kamp fejn hemm is-suldati Maltin

Grupp ta’ Maltin li qed iservu f’operazzjoni għaż-żamma tal-paċi f’Camp Shamrock, il-Libanu, esperjenzaw mumenti ta’ tensjoni meta niżlet missila qrib il-fruntiera.

B’kollox instabu żewġ missili – waħda f’zona fejn jinstabu l-grupp ta’ suldati Maltin u oħra għoxrin metru ‘l bogħod. Fortunatament, l-ebda missila ma splodiet.

L-irwol ta’ dawn l-uffiċjali huwa għaż-żamma tal-paċi, u fil-fatt qatt ma pparteċipaw fl-ebda azzjoni militari.

Kelliem għall-armata Maltija kkonferma li ma weġġa’ ħadd u kkonferma wkoll li z-zona hija sigura.

Il-kap huwa mmexxi mill-forzi tad-Difiża Irlandiża, fejn hemm suldati kemm minn Malta u anke mill-Polonja. L-analiżi tal-Irlandiżi kkonkludiet li l-missili li waqgħu fiz-zona tagħhom huma simili għal dawk li spiss jintużaw mill-grupp ta’ Hezbollah.

L-ambaxxatur ta’ Iżrael enfasizza li huma qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiggarantixxu s-sigurtà ta’ madwar 350 individwu li qed jikkontribwixxu għall-missjoni taż-żamma tal-paċi.