Sport

Rebħiet għal Roma, Lazio u Fiorentina

Ritratt: EPA

Meta kompew jintlagħbu aktar logħob mill-Kampjonat Taljan tas-Serie A, kienu reġistrati rebħiet minn Roma, Lazio u Fiorentina.

Stadio Luigi Ferraris

Genoa  0        Fiorentina    1

Tkompli s-serje pożittiva ta’ Fiorentina li mmexxija minn Raffaele Palladino telgħu fit-tielet post b’19-il punt flimkien ma’ Atalanta. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fit-72 minuta wara li ROBIN GOSENS għeleb lil Nicola Leali. Telfa li biha Genoa baqgħu fl-aħħar post fil-klassifika b’sitt punti minn għaxar partiti.

Fi Stadio Senigaglia

Como      1      Lazio    5

Ir-riżultat kien biżżejjed għal Lazio biex telgħu jaqsmu t-tielet post flimkien ma’ Fiorentina u Atalanta.

Lazio marru fil-vantaġġ fit-28 minuta minn penalty ta’ VALENTIN CASTELLANOS li għeleb lil Emil Audero. Ebda reazzjoni minn Como l-aktar wara li fil-31 minuta, minn azzjoni ta’ Nuno Tavares kien PEDRO RODRIGUEZ li mill-ġdid għeleb lil Audero. Fit-tieni taqsima, Como kienu aktar fil-partita u fit-53 minuta naqqsu l-iskor wara li LUCA MAZZITELLI għeleb lil Ivan Provedel. Fis-62 minuta tkeċċa Mathias Braunoder għal Como u tliet minuti wara tkeċċa Nuno Tavares għal Lazio. Fil-71 minuta minn azzjoni ta’ Boulaye Dia, PATRIC għamel l-iskor 3 – 1 . Kibret il-pressjoni minn Lazio li fil-81 minuta minn pass ta’ Dia kien mill-ġdid VALENTIN CASTELLANOS li għeleb lil Audero 4 – 1, sabiex fil-ħin miżjud minn azzjoni ta’ Manuel Lazzari kien LOUM TCHAOUNA li għalaq il-partita għal 5 – 1.

Stadio Olimpico

Roma      1     Torino     0

Rebħa minima għal Roma kienet biżżejjed biex bit-tielet rebħa minn għaxar partiti telgħu fl-għaxar pożizzjoni bi 13-il punt, wieħed anqas mill-istess Torino u Milan. Roma marru fil-vantaġġ fl-20  minuta wara li PAULO DYBALA għeleb lil Vanja Milinkovic Savic għal dak li kellu jkun gowl deċiziv.