Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €2,000 fuq traffikar ta’ droga għal raġel li rabba l-għaqal

Raġel ta’ 49 sena minn tal-Pietà li kellu problema akuta ta’ droga sa minn età tenera ngħata sentenza sospiża u mmultat €2,000 wara li nstab ħati li aktar minn 14-il sena ilu kien jittrafika d-droga, l-aktar biex jissodisfa l-vizzju li kellu.

Il-Qorti filwaqt li sabet lil Brian Bonnici, magħruf bħala “Iż-Żiffa” ħati qieset diversi fatturi fosthom il-kondotta kulurita tiegħu, fuq kollox qieset il-fatt li llum huwa persuna riabilitata u għandu mpieg u familja.

Il-każ imur lura għall-1 t’Awwissu 2010 u matul il-ġimgħat ta’ qabel din id-data fejn id-droga li huwa kien iħobb juża l-aktar kienet il-kokaina, ecstasy u cannabis. L-ispettur Johann J. Fenech xhed li l-każ beda wara li l-puliżija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li l-imputat setgħa kien involut f’ċirku ta’ traffikar tad-droga, fl-1 t’Awwissu 2010, saret sorveljanza mill-puliżija quddiem id-dar tiegħu.

L-imputat ġie nnutat u mwaqqaf waqt li kien ġewwa vettura. Minn tfittxxija li saret fuq il-persuna tiegħu, eżattament ġol-but instabu xi pakketti bi trab abjad suspettat droga kokaina u ġo pouch fil-vettura tiegħu instabu 10 pilloli suspettati ecstasy pills u pakkett cannabis grass.

Saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu. Huwa ġie arrestat u meħud fil-Kwartieri Ġenerali tal-Puliżija
fejn hemmhekk ittieħditlu stqarrija u dan wara li rrinunzja għad-dritt li jikkonsulta m’avukat qabel l-interrogazzjoni.

F’din l-istqarrija huwa stqarr li huwa magħruf bil-laqam ‘Żiffa’ u li preżentament (dak inhar) ma jaħdimx madanakollu huwa jgħin lil wieħed f’ħanut ġewwa Buġibba. Qal ukoll li preżentament kellu l-vizzju tal-kokaina tant li l-ġimgħa ta’ qabel kien ikkonsma tliet pakketti.

Ikkonferma li fil-pussess tiegħu l-puliżija sabu 10 pilloli ecastasy, 14-il pakkett tal-plastik, trab abjad suspettat kokaina, pouch iswed, żewġ mobile phones, envelope żgħir kannella, erba’ pakketti tal-plastik trasparenti bil-cannabis grass u xi biċċiet tal-karti.

Huwa qal li dawn l-affarijiet kien sabhom madwar 15 il-ġurnata qabel l-arrest tiegħu ġewwa l-Qawra. Jispjega li huwa kien għand Paula Jankova, ħareġ il-kelb u f’mument minnhom innota taħt ġebla ġo għalqa xi ħaġa stramba taħtha.

Mar jara x’kien hemm sab dawn is-sustanzi u kien ħadhom. Minn dakinhar huwa beda jaħseb x’ħa jagħmel bihom filwaqt li kien ikkonsma tliet pakketti kokaina il-ġimgħa ta’ qabel. Mistoqsi jekk qatt kienx ikkonsma l-ecstasy jew il-ħaxixa huwa wieġeb fl-affermattiv, u dan meta kellu madwar 16-il sena.

Mistoqsi dwar kitba li nstabet fil-karozza konsistenti f’numri u ismijiet, l-imputat wieġeb li ma kienx jaf. Mistoqsi jekk kellux l-intenzjoni li jbiegħ din id-droga huwa jinnega dan u jgħid li kien ħa jikkonsmahom hu.

Fil-Qorti Brian Bonnici spjega li huwa għandu tifel li għandu tnax-il sena (fl-2015) kif ukoll sieħba li ilu magħha għal dawn l-aħħar 14-il sena għajr għall-erba’ snin minnhom fejn kienu miġġieldin. Spjega
ukoll li missieru ta lilu u lil l-ħutu biċċa art li huwa kellu sabiex din tkun tista’ tinbena ħalli tintuża bħala residenza tagħhom.

Hu spjega fid-dettal il-problema li affaċċja flimkien mal-‘partner’ tiegħu in konnesjoni mat-tfal u t-tqala.
Dak iż-żmien huwa kellu biss l-eta’ ta’ 18 ujew 19-il sena. Jgħid illi minħabba dawn il-problemi huwa kienu beda jikkonsma d-droga. F’dan il-perjodu huwa kien jaħdem ġo Pub ġewwa Buġibba.

Mhux veru li sab sustanza taħt blata

Fix-xhieda tiegħu Bonnici jagħmel referenza għall-istqarrija li rrillaxxa lill-ispettur Fenech u jiddikjara bil-ġurament li huwa mhux veru kien sab is-sustanzi taħt blata. Spjega li huwa kien gideb lill-ispettur Fenech għax kien jibża mill-persuna li xtara d-droga mingħandu.

Huwa spjega li dak iż-żmien huwa kien jikkonsma d-droga kokaina, ġieli mar xi parties fejn ikkonsma l-ectasy kien jikkonsma ukoll il-ħaxixa tal-cannabis sabiex jikkallma. Misoqsi x’kellu l-intenzjoni li jagħmel bis-sustanzi li nstabu fil-pussess tiegħu, Bonniċi għalkemm spjega li fil-problemi ta’ dak iż-żmien huwa ħass li ħajtu kienet spiċċat.

Bonnici spjega li llum ma għadux jikkonsma d-droga u biddel ix-xogħol fejn qed jaħdem bħala electrician u anke qiegħed fi rwol ta’ supervisor. In sostenn tat-talba tal-imputat sabiex din il-Qorti tikkonverti ruħha f’Qorti b’funzjonijiet ta’ Qorti dwar id-droga xehdet Lorraine Galea u Dr. Roberta Holland (bħala espert tal-Qorti.

Fix-xhieda tiegħu bil-ġurament, l-imputat fl-ebda ħin ma stqarr li dawn is-sustanzi kienu intiżi ai fini ta’ traffikar. Fi kwalunkwe każ, mill-provi mressqa fil-proċeduri rriżulta li l-imputat instab fil-pussess ta’ tliet sustanzi differenti fl-istess ħin.

L-ammonti tas-sustanzi misjuba fil-pussess tiegħu u kif kienu miżmuma. Bonnici nstab fil-pussess ta’ 5.49 grammi kokaina b’purita’ ta’ ċirka 28%. Dawn kien maqsuma f’diversi qratas ta’ piż simili. Fil-fatt il-piż ta’ dawn il-qratas ivarjaw bejn 0.33g u 0.67g.

Dan l-ammont ta’ droga kokaina huwa tali li normalment ma jiġiex ikkonsmat f’istanza waħda jew tnejn. In oltre dan l-ammont kien qed jinġarr mill-imputat u mhux miżmum fir-residenza tiegħu. Fil-pussess tiegħu l-imputat kellu ħames pilloli MDMA kif ukoll 1.54 grammi pjanta tal-cannabis.

Il-cannabis ukoll kienet maqsuma fi qratas differenti ta’ piż simili: 0.36g, 0.36g, 0.33g u 0.49g. B’hekk l-ammont ta’ droga kokaina magħdud ma’ kif instabu ċertament ma jindikax li dan setgħa kien għall-użu esklussiv tal-imputat.

In oltre fil-pussess tal-imputat instabet karta li b’ismijiet u numri li l-imputat baqa’ qatt ma ta spjegazzjoni tagħha (dejjem hekk kif kellu kull dritt li jagħmel minħabba d-dritt tas-silenzju). Din il-karta tindika li l-imputat setgħa kien qed jieħu nota tal-ammont li kien dovut mingħand numru ta’ nies.

Din l-istess karta nstabet fl-istess pouch iswed li ġo fih kien hemm ukoll id-droga. Mill-informazzjoni estratta minn fuq iċ-ċellulari tal-imputat jirriżulta li hemm numru ta’ messaġġi li jindikaw li l-imputat kien
kien dovut flejjes mingħand terzi persuni.

In kwantu għall-piena li għandha tiġi erogata, l-Qorti għamlet dawn l-osservazzjonijiet. In-natura gravi u ċ-ċirkostanzi marbuta mal-imputazzjonijiet li tagħhom huwa nstab ħati nkluż l-ammont u n-natura tad-droga nvoluta.

Il-Qorti qieset ukoll fedina penali aġġornata tal-imputat minn fejn jirriżulta li kellu diversi kundanni oħra. Bl-aħħar waħda tirrisali għas-sena 2014. In oltre limputat ma għandux każijiet oħra ta’ natura kriminali pendenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja u dan anke fid-dawl tat-trapass ta’ żmien minn meta seħħew ir-reati li tagħhom qed jinstab ħati.

Id-digriet tal-istess Qorti tat-23 ta’ Novembu 2021, permezz ta’ liema assumiet il-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga u n-nota tal-Bord tar-Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabbdu bid-Droga pprezetata nhar is-7 ta’
Marzu 2023 permezz ta’ liema din il-Qorti ġiet infurma li temm il-proċess ta’ rijabilitazzjoni tiegħu b’suċċess.
.

Mir-relazzjoni ta’ Dr. Roberta Holland jirriżulta li fiż-żmien t’Awwissu tas-sena 2010 l-imputat kien dipendenti fuq id-droga kokaina. Din id-dipendenza kienet bdiet hekk kif Bonnici qabeż l-eta’ ta’ 20 sena.
Jidher ukoll li qabel jikkonsma l-kokaina huwa kien dipendenti ukoll fuq il-pilloli ecstasy u s-sustanza cannabis.

Id-djanjosi tat riżultati li jindikaw li l-imputat kellu diżordni severa in kwantu għall-użu ta’ kokaina. Madanakollu jirriżulta ukoll mill-istess rapport li l-imputat tejjeb ferm issitwazzjoni tiegħu u għamel progress sostanzjali u passi konkreti sabiex jirriabilita ruħu.

Il-fatt li minn tal-inqas fuq bilanċ ta’ probabbiltajiet, l-imputat wettaq ir-reat li tiegħu qed jinstab ħati minħabba l-fatt illi dak iż-żmien huwa kien dipendenti fuq id-droga. Fil-fatt fir-rapport tagħha Dr. Holland tiddikjara li “jidher għalhekk li r-reat kien relatat mad-dipendenza u l-użu tad-droga ta’ l-imputat, l-istil ta’ ħajja li kien jgħix u nuqqas ta’ ħiliet personali.”

Għalkemm dan ma jiskulpax lill-imputat mir-responsabilita’ tiegħu għall-imputazzjonijiet li tagħhom insab ħati, il-Qorti qieset din iċċirkostanza magħduda mal-proċess ta’ rijabilitazzjoni tiegħu sabiex teroga piena alternativa għall-priġunerija effettiva skond dak li jistipula l-artikolu 8(7) tal-Kap. 537 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Il-Qorti għalhekk konsegwentament qed tikkundanah għall-piena ta’ sena priġunerija sospiżi għal żmien sentejn u multa ta’ €2,000 li jistgħu jitħallsu b’rati ta’ €100 fix-xahar, bl-ewwel pagament isir fi żmien xahar mis-sentenza. Jekk il-ħati jonqos milli jħallas pagament wieħed, il-bilanċ jiġi dovut minnufih u
jiġi konvertit fi priġunerija skont il-liġi.

Il-ħati jrid ukoll iħallas tal-ispejjeż konnessi mal-ħatra tal-esperti ammontanti għas-somma €1,395.87, liema spejjeż għandhom jitħallsu fi żmien sena mill-għoti tas-sentenza. Finalment, il-Qorti ordnat il-konfiska tal-oġġetti relatati mad-droga esebiti kif ukoll id-distruzzjoni tad-droga. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Johann J. Fenech.