Lokali

Skont Bedingfield “dan il-Budget ma kien jonqsu xejn”

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji aktar kmieni din il-ġimgħa saħqet li f’dan il-budget ma ntlaqgħet ebda proposta li għamlu huma fil-ġimgħat ta’ qabel, u saħansitra saħqu li l-laqgħat li kellhom mal-Gvern kienu ħela ta’ ħin.

Dan filwaqt li l-Kamra tal-Kummerċ iddeskriviet dan il-budget bħala wieħed li ma jindirizzax il-viżjoni ekonomika u l-miżuri neċessarji.

Bosta imsieħba soċjali faħħru t-twessiegħ fit-tax bands iżda saħqu li filwaqt li l-Gvern issa qed juża r-retorika ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar wara r-riżultat elettorali ta’ Ġunju li għadda…. u wara li ma ħejjiex infrastruttura adegwata għaż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, sforz id-deċiżjonijiet li ħa l-istess Gvern Laburista.

Il-Ġimgħa waranofsinhar Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield x’injora dan il-Budget, x’nesa, x’ħalla u x’kien effettivament jonqsu – iżda skont l-istess Bedingfield ma kien jonqsu xejn.

Bedingfield insista li l-aqwa li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-flus u jissusidja l-enerġija. Iżda meta affaċċjat b’dak li qalu l-imsieħba soċjali, is-Segretarju Parlamentari qal li l-Labour għandu viżjoni ċioè l-manifest elettorali…u qed iħejju ukoll l-pjan għall-2050.

Madanakollu mistoqsi xi pjan u x’soluzzjonijiet għandu Gvern biex isolvi il-problemi li ħoloq il-Labour stess….Bedingfield qalilna naraw il-Manifest Elettorali Malta Flimkien.

F’dan il-manifest intqal li se jkomplu l-istudji u tissokta d-diskussjoni fuq il-metro, liema diskussjonijiet madanakollu fl-aħħar sentejn donnhom tqiegħdu għal kollox fuq l-ixkaffa…bil-pajjiż jibki għal trasport tal-massa fuq l-art.

F’dan il-manifest intqal ukoll li sal-aħħar tal-2022 kellu jinfetaħ il-Paola Hub, liema Centru tas-Saħħa għadu magħluq sal-lum, kif ukoll jinbeda xogħol fuq in-Northern Hub, liema hub skont il-Ministru Jo Etienne Abela mhux se jsir minħabba nuqqas ta’ staff u flus.