Internazzjonali

Spanja: Aktar minn 220 mejtin fl-għargħar ta’  Valencia – bil-pajjiż jintlaqat mill-ħalbiet tax-xita ġodda

L-awtoritajiet fi Spanja – u partikularment fir-reġjun ta’ Valencia – qed iwissu lill-poplu biex iħejji ruħu għal aktar swied il-qalb, fost it-tfittxija intensiva għall-vittmi ġodda tal-għargħar storiku ta’ nofs il-ġimgħa.

Dan meta l-ammont ta’ mejtin fir-reġjun ta’ Valencia, issa, qabeż sew il-220 – bl-awtoritajiet anki jirrappurtaw xi vittmi fir-reġjun ta’ Castilla La Mancha u fl-inħawi ta’ Andalusija.

Sadanittant, is-sitwazzjoni tat-temp aktar qed toħloq kumplikazzjonijiet ġodda għall-poplu Spanjol li f’dawn il-jiem mistenni li jiffaċċja aktar sitwazzjonijiet ta’ periklu sostanzjali.

Fil-fatt, il-ħajja spiċċat ipparalizzata fir-reġjun ta’ Huelva fost l-inżul qawwi tax-xita għal ħinijiet twal ħafna. Is-sitwazzjoni qanqlet allert ta’ emerġenza –red warning – għar-reġjun, bl-awtoritajiet lokali jwissu lin-nies biex ma joħorġux minn djarhom.

Is-sitwazzjoni anki qed tidher iddisprata għar-residenti fil-belt ta’ Cartaya fejn niżlet l-ekwivalenti ta’ xahrejn xita f’għaxar sigħat biss u fejn l-iskwadri għall-emerġenzi qed jippruvaw isalvaw lin-nies mid-djar mgħarrqin.

U waqt li qed isiru l-kalkoli tal-imwiet u l-ħsarat ekwivalenti għall-mijiet tal-miljuni tal-ewro, is-Sindku ta’ Chiva, lejn il-lvant ta’ Spanja, qed jistenna r-rapporti dwar aktar vittmi dovuti għall-inċidenti bil-karozza dovuti għax-xita u l-għargħar.

Sadanittant, is-sens ta’ luttu qed jinħass l-aktar fir-reġjun ta’ Valencia fejn twaqqfet zona mortwarja temporanja qalb ċentru kbir fejn is-soltu jsiru l-konvenzjonijiet privati u għall-pubbliku  Fl-istess ħin, it-tfittxija qed tkompli għall-vittmi  ġodda tal-għargħar u li kapaċi jkunu ‘numerużi’.

Fl-aħħar sigħat, ammonti kbar ta’ nies kienu qed jgħinu fit-tindif  tat-toroq f’Valencia u fejn kellhom jaħdmu fost il-munzelli tal-vetturi meqruda li spiċċaw fuq xulxin bil-forza tal-għargħar ta’ nhar l-Erbgħa. It-toroq anki spiċċaw koperti bit-widien tat-tajn li qed itellef l-isforzi ta’ dawn in-nies li qed ikunu megħjuna wkoll mill-militar Spanjol.

Fl-istess ħin, l-aġenzija meteoroloġika tal-Istat wissiet li l-kundizzjonijiet tat-temp mistennija jkomplu bl-istess ritmu ‘devastanti’ anki fi tmiem il-ġimgħa.