Internazzjonali

Stati Uniti: Il-kampanji elettorali daħlu fl-aħħar fażi interessanti qabel il-vot tal-5 ta’ Novembru

Il-kampanji tal-Partit Demokratiku l-Partit Repubblikan qegħdin jaslu fi tmiemhom fost l-istennija għall-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti li ssir fil-5 ta’ Novembru… elezzjoni li tiddeċiedi d-direzzjoni tal-pajjiż għall-erba’ snin li ġejjin u li meqjusa fost l-aktar kruċjali minn wara l-era tal-Gwerra Bierda ‘l hawn. Fil-fatt, hu minnu li l-politika barranija futura ta’ Washington għandha tħalli impatt dirett u indirett għall-bija tad-dinja – u partikularment l-Ewropa.

Fadal biss ħamest ijiem għall-jum tal-votazzjoni u meta d-Demokratiċi u r-Repubblikani qed jikkonċentraw l-aħħar sforzi fir-reġjun tal-Midwest. Dan waqt li l-Viċi President Amerikan Kamala Harris, il-kandidat tad-Demokratiċi u r-rivali kbira tagħha, l-Eks President Amerikan, Donald Trump, qed ikomplu bil-kampanji rispettivi fl-Istat ta’ Wisconsin.

Dan l-Istat – magħruf bħala ‘Battleground State’ – kapaċi jħoll u jorbot għar-riżultat deċiżiv tal-elezzjoni. Stati oħrajn bl-istess importanza jinkludu North u South Carolina, Michigan u Georgia.

Fil-fatt, f’din il-fażi tal-kampanja qed jispikkaw ukoll il-kampanji tal-kandidati għall-Viċi Presidenza tal-Istati Uniti. Dan waqt li JD Vance tal-Partit Repubblikan u Tim Walz, tal-Partit Demokratiku għaddejjin bl-impenji elettorali tagħhom fl-Istat ta’ Michigan.

Matul il-lejl tal-Ħamis, Harris u Trump kienu l-personalitajiet ewlenin waqt l-avvenimenti relatati mal-kampanji rispettivi fl-Istati ta’ Nevada u Arizona – żewġ Stati importanti oħrajn lejn il-Lbiċ tal-pajjiż.

Sadanittant, ivvutaw diġà madwar 65 miljun Amerikan – bl-ammont jikser ir-rekord relatat mal-proċess tal-votazzjoni bikrija li kien twaqqaf fl-2020.