Lokali

Tagħlaq 100 sena – “Għidu talba kuljum”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ AnnMarie Grech il-Ġimgħa filgħodu żaru lil Mafin Grech Mifsud f’jum għeluq sninha… hekk kif qed tiċċelebra 100 sena.

Bernard Grech iltaqa’ ma’ Mafin Grech Mifsud fir-residenza tagħha fil-Mosta, fejn flimkien mal-qraba tagħha tkellmu dwar l-eperjenzi varji li Mafine għaddiet minnhom matul dawn il-100 sena.

Hi spjegat mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista li tiftakar sew żmien it-Tieni Gwerra Dinija, u kif il-Mosta laqtet ammont sostanzjali ta’ attakki u bombi bl-iktar waħda li r-residenti baqgħu jiftakru tkun il-bomba li waqgħet fuq il-Bażilika tal-Mosta… u li baqgħet ma sploditx.

F’kumment li tat lil Net News, Mafine Grech Mifsud sostniet x’inhu s-sigriet tagħha biex kienet kapaċi tilħaq din l-età, u li fl-istess ħin tibqa’ wkoll attivtà kemm tista’.

Hi qalet li rat bidliet kbar fil-pajjiż u kemm Malta ta’ dak iż-żmien kienet ferm aktar sempliċi u trankwilla.

Mafine appellat ukoll sabiex in-nies ifittxu l-paċi tal-familja, speċjalment fil-ħajja mgħaġġla tal-lum. Dan apparti l-appell sabiex in-nies jibqgħu wkoll viċin Alla u jitolbu ta’ kuljum.