Lokali

“Xejn ħażin” – il-PBS imur kontra deċiżjoni tal-Qorti

Il-Partit Laburista irid li t-tmexxija tal-PBS tibqa’ tikser l-ordni tal-Qorti u taġixxi kontra l-kelma tal-Imħallef Miriam Hayman.

Dan hekk kif wara li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino fetaħ każ il-Qorti għan-nom tal-istess partit sabiex il-PBS jieqaf ixandar spots politiċi u partiġjani li jmorru kontra l-kostituzzjoni u l-bilanċ fix-xandir, l-istess Imħallef tul il-jum tat-Tnejn ordnat li b’mod temporanju r-reklami tal-budget tal-Gvern jieqfu sakemm jinstema’ s-smigħ tal-każ fil-Qorti.

Madanakollu jidher li t-tmexxija tal-PBS ġiet prattikament taqa’ u tqum kompletament minn din l-ordni, bir-reklami jissoktaw kemm tul il-jum tat-Tnejn, it-Tlieta, l-Erbgħa u anke l-Ħamis – bil-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Imħallef biex tieħu azzjoni skont kif jidrilha l-aktar xieraq.

U minflok il-Partit Laburista jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu u jirrispetta dak li jkun miktub fil-kostituzzjoni ta’ Malta u l-ordnijiet tal-ġudikatura – għażel li jorganizza konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard proprju sabiex jattakka tali deċiżjoni, u jfaħħar l-imġieba li marret kontra dak li talbet u ordnat l-Imħallef Hayman.

Kollox beda l-Ħadd 27 ta’ Ottubru, meta lejlet il-Budget fuq ix-Xandir tal-Istat ġie mxandar reklam fejn fost oħrajn b’ħafna pompi l-Prim Ministru Robert Abela beda jħejji lin-nies għad-diskors tal-budget; mod li bosta ddeskrivewh bħala partiġġjan.

Iżda skont Agius Saliba il-fatt li l-Gvern ġab in-nies jitkelmu, konvenjentament favurih, u li tkellem ukoll Robert Abela – ma jara xejn ħażin fih.

Il-fatt jibqa’ li x-Xandir tal-Istat mar b’mod mill-aktar ripetut kontra l-ordni tal-Qorti – b’sorsi qrib il-kurituri tal-PBS qed jisħqu li dan kollu ma kienx xejn ħlief ordni minn Kastilja biex il-Kap Eżekuttiv tax-Xandir, Keith Chetcuti allegatament jipproċedi b’dirispett kontra l-Qorti ta’ Malta.