Lokali

Żewġt irġiel iweġġgħu gravi waqt li kienu qed jaħdmu f’Ħal Qormi

Għall-ħabta tal-11:30am, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’maħżen fi Triq is-Sebħ, Ħal Qormi, wara li żewġ ħaddiema – raġel mill-Gambja ta’ 24 sena li jgħix Ħal Tarxien u raġel Malti ta’ 66 sena li joqgħod Santa Venera, kienu qegħdin jaħdmu f’lift, meta għal xi raġuni waqa’ bihom.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku.

Wara li nħarġu mil-lift, ambulanza ħadet liż-żewġ ħaddiema l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġew
iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.