Lokali

Dwar il-Budget: “Kellu jkun hemm aktar miżuri għall-kwalità tal-ħajja”

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta faħħret bosta miżuri li ssemmew fil-Budget, iżda ilmentat li ħafna minnhom setgħu kienu aktar b’saħħithom u konkreti.

Dan intqal permezz ta’ stqarrija b’reazzjoni għall-Budget li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi.

Il-Kummissjoni laqgħet il-miżuri soċjali li tħabbru nhar it-Tnejn li għadda, iżda rrimarkat li xtaqet tara aktar miżuri intiżi għat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja ta’ min qed jaffaċċja problemi ekonomiċi.

Din il-Kummissjoni fi ħdan il-Kurja appellat għal aktar miżuri favur il-persuni vulnerabbli f’pajjiżna, speċjalment l-anzjani, il-persuni bla saqaf fuq rashom u l-ħaddiema migranti.

Il-Knisja qalet ukoll li biex il-Gvern jiżgura l-kwalità fil-ħajja tan-nies, għandu jħares lil hinn mill-għajnuna finanzjarja – fi kliem sempliċi, mhux flus biss.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi insistiet li hemm bżonn ta’ policies li jixprunaw l-iżvilupp integrali ta’ kulħadd u li jaħdmu għal komunità inklussiva u reżiljenti…. kif ukoll ekonomija ġusta għal kulħadd”.

L-istess stqarrija sostniet li l-għeruq tal-problemi ma ġewx indirizzati, u semmiet in-nuqqas ta’ pagi għoljin għal ċerti ħaddiema u l-miżuri mhux b’saħħithom għax-xibka soċjali.

Filwaqt li rrikonoxxiet it-tneħħija tal-VAT mill-prodotti tan-nisa, il-Kummisjoni appellat għal aktar ħidma biex l-ikel u l-proprjetà jkunu aktar affordabbli.

Hi qalet ukoll li l-pensjonanti għadhom mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.