Il-Ministru Byron Camilleri kompla jaħrab milli jwieġeb dwar l-iskandlu b’rabta mal-aġenzija Identità – li hi responsabbiltà tiegħu.
F’dibattitu fuq RTK bis-sehem tas-Shadow Minister Darren Carabott, issemma’ kif matul is-sajf ġie żvelat li allegatament, kien hemm bosta persuni barranin irreġistrati fuq indirizzi li ma jirrisjedux fihom – b’numru ta’ sidien ta’ propjetajiet Maltin jirċievu appuntamenti tal-Isptar, ċekkijiet mill-Gvern u kontijiet tad-dawl indirizzati għal persuni li ma jirrisjedux fit-tali propjetà.
Bil-Ministru Camilleri – wara sajf sħiħ assenti minkejja l-iskandli li ħakmuh – baqa’ jaħrab għal kollox milli jwieġeb dwar dan l-iskandlu.
Kienu bosta t-temi diskussi f’dan il-programm…. fosthom l-immigrazzjoni, l-importazzjoni ta’ ħaddiema minn barra l-Ewropa u s-sitwazzjoni fil-faċilità korrettiva ta’ kordin.
B’Darren Carabott jinsisti li l-Ministru Camilleri qed jissikka ċ-ċinturin maż-żgħir, imma mbagħad il-Gvern Laburista ippermetta splużjoni fil-popolazzjoni.
B’rabta mal-ħabs, il-Ministru Camilleri ħarab milli għal darba oħra jilqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni sabiex jiltaqgħu mal-priġunieri u l-ħaddiema tal-ħabs – bil-Ministru jinfexx f’attakk partiġġjan ieħor.
Tul dawn l-aħħar snin kienu bosta r-restrizzjonijiet imposti fuq il-media lokali sabiex jidħlu fil-ħabs.
Bil-Ministru responsabbli jipprova jagħti x’jifhem illi kienu diversi l-ġurnalisti li kellhom aċċess għall-ħabs iżda fl-istess waqt iddefenda l-appell li ressaq il-Gvern quddiem id-deċiżjoni tal-Qorti li tippermetti lill-media biex tidħol.