Il-Partit Nazzjonalista ressaq Mozzjoni biex l-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern dwar l-Anti-SLAPP jitjieb u sabiex jitwettqu b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u li l-Gvern ilu jinjora għal aktar minn tliet snin.
Il-Mozzjoni Parlamentari ġiet ippreżentata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina kif ukoll mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg ilbieraħ il-Ġimgħa, 1 ta’ Novembru 2024.
Fl-aħħar ta’ Lulju li għadda l-Gvern kien ħareġ jiftaħar li d-direttiva Anti-SLAPP tal-Unjoni Ewropea se ssir parti mil-liġijiet ta’ pajjiżna permezz ta’ Avviż Legali. Dan l-Avviż Legali jagħti lill-ġurnalisti Maltin l-inqas livell ta’ protezzjoni li joħroġ mid-direttiva.
Il-Partit Nazzjonalista jqis id-direttiva Anti-SLAPP bħala opportunità kbira biex pajjiżna mhux biss ikollu liġijiet li jkunu skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, iżda li jkunu joffru tassew l-ogħla livell possibbli ta’ ħarsien għall-ġurnalisti mill-abbużi ta’ dawk li jridu jaħbu l-verità.
Għalhekk permezz ta’ din il-Mozzjoni l-PN qed jipproproni dawn l-emendi għall-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern:
- Il-liġi kontra l-Anti-SLAPP tkun tapplika kemm għal kawżi li jinvolvu pajjiżi oħra kif ukoll għal kawżi li jsiru f’Malta biss;
- Li jiżdied l-ammont li għandu jitħallas bħala penali dissważivi li għandhom jitħallsu minn min jagħmel kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, minn massimu ta’ €10,000 għal minimu ta’ €10,000 u massimu ta’ €100,000;
- Id-data dwar kawżi anti-SLAPP tibda tiġi ppubblikata online u ppreżentata fil-Parlament meta din tingħata lill-Kummissjoni Ewropea; u
- Is-sentenzi tal-Qrati Maltin dwar l-Anti-SLAPP ma jistgħux jinħbew u għandhom dejjem jibqgħu pubbliċi.
Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja għandhom iwettqu konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva dwar kif id-direttiva Anti-SLAPP għandha tiġi trasposta fil-liġijiet ta’ pajjiżna u li wara li tintemm il-konsultazzjoni pubblika għandhom iressqu abbozz ta’ liġi quddiem il-Parlament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2025.
Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti wkoll li l-Gvern għandu jwettaq konsultazzjoni pubblika dwar il-materji kollha relatati u identifikati mill-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li huma meħtieġa għall-protezzjoni tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna.
Il-PN ifakkar li l-Gvern ilu aktar minn sena jwiegħed li se jippubblika white paper biex jikkonsulta dwar riformi għat-tisħiħ tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna.
//= $special ?>