Keith Schembri ċeda kawża fil-qorti li fiha kien sostna li d-drittijiet fundamentali tiegħu nkisru meta l-qrati poġġew il-mowbajl f’post fejn ma nstabx għal ġimgħat sħaħ. Dak il-mowbajl, wieħed differenti minn dak li kien tilef sigħat qabel ma ġie arrestat għall-ewwel darba lejn l-aħħar tal-2019 f’każ tal-qorti mhux relatat kien qed jinżamm bħala evidenza mill-qrati fi proċeduri ta’ ħasil ta’ flus kontrih.
Schembri, li serva bħala chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kien ippreżenta l-kawża kostituzzjonali kważi sena ilu, fejn sostna li l-mod kif il-mowbajl kien ‘mitluf’ u mbagħad misjub fost l-esebiti ta’ każ separat kien “ħafna aktar serju minn sempliċiment amministrazzjoni ħażina.”
Schembri, missieru u żewġ assoċjati fin-negozju jinsabu akkużati b’ħasil ta’ flus. fejn qed iwieġbu mhux ħatja. Is-saga dwar l-apparat bdiet meta prosekutur mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali informa lill-qorti li l-mowbajl ta’ Schembri ma kienx fil-fajl tal-każ.
Dik l-informazzjoni wasslet għal tfittxija, ordnata mill-Maġistrat li kienet tippresiedi dak iż-żmien Donatella Frendo Dimech li fi ftit minuti ġiet infurmata li kien instab. B’xi mod kienet spiċċa fost ir-rekords ta’ każ kriminali ieħor li kien marbut mill-qrib mal-każ ta’ Schembri.
Wara dak l-episodju, il-Maġistrat Frendo Dimech indirizzat l-Qorti waqt seduta qasira biex tispjega l-fatti, fejn stqarret li l-apparati li nqabdu waqt l-investigazzjoni ta’ reati finanzjarji kienu esebiti bħala evidenza. Tliet ijiem wara d-deputat reġistratur tagħha għaddiehom lill-uffiċjal tal-esebiti tal-qrati għas-salvagwardja u kien hemm fejn baqgħu, qalet il-Maġistrat Frendo Dimech, li saħqet li l-esebiti kollha relatati ma’ Schembri “baqgħu fil-pussess u kustodja esklussiva mingħajr interruzzjoni” ta’ dak l-uffiċjal.
Madankollu, wara dak l-inċident tal-mowbajl, l-avukati ta’ Schembri ressqu ilment kostituzzjonali, u esprimew suspett u tħassib dwar dak li seta’ ġara “wara l-kwinti” u tefgħu dubji fuq il-katina ta’ kustodja ta’ dik il-biċċa ta’ evidenza.
L-avukati kkontestaw l-ammissibbiltà tal-mowbajl bħala prova u talbu danni morali u miżuri oħra għall-allegat ksur tad-drittijiet ta’ Schembri. L-Imħallef li mexxa dak il-każ, Mark Simiana, kien għamel żjara fuq il-post fil-kamra tal-esebiti tal-qrati fi Frar li għadda.
Għal dik iż-żjara kienu kollha preżenti l-avukati ta’ Schembri, il-prosekuturi u r-reġistratur tal-qrati kriminali, li matulha l-espert tal-qorti Martin Bajada ċċekkja l-esebiti, ttieħdu ritratti u saru l-minuti fil-proċess kollu.
Il-każ kien skedat li jerġa’ jibda nhar il-Ġimgħa iżda qabel is-seduta l-avukati ta’ Schembri ressqu nota, fejn infurmaw formalment lill-qorti, ppreseduta mill-Imħallef Mark Simiana, li Schembri kien qed iċedi l-kawża. Il-każ kien ġie ppreżentat kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u r-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali.
//= $special ?>