Lokali

“L-istudju jien ma rajtux” – il-Ministru Clyde Caruana

Konferma ċara: II-kabinett ta’ Abela jew ma ddiskutiex id-deċiżjonijiet li ttieħdu b’rabta mal-food couriers u x-xufiera tat-taxis, jew inkella hemm Ministri li nżammu fil-għama. B’wieħed minnhom ikun Clyde Caruana.

F’dibattitu li sar waqt il-programm ‘Opinjoni’ fuq Net Television flimkien max-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini, kien il-Ministru Clyde Caruana nnifsu li indika li l-Kabinett immexxi minn Robert Abela ma ddiskutiex id-deċiżjoni li ttieħdet b’rabta mal-food couriers u x-xufiera tat-taxis, fid-dawl tal- istudju – li l-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid li sar – u li identifika dawn iż-żewġ setturi bħala problema enormi b’rabta maż-żieda fil-popolazzjoni.

Bil-Ministru Caruana jikkonferma li dan l-istudju qatt ma rah.

Fuq Net TV, il-Ministru Caruana ammetta li t-tkabbir ekonomiku qed iġib miegħu numru ta’ sfidi.

Iżda minkejja li ammetta li t-tkabbir ekonomiku li xpruna l-Gvern qed iġib problemi enormi fuq il-pajjiż, huwa xorta waħda qed jibqa’ jagħżel li ma jbiddilx b’mod konkret il-mudell ekonomiku – bil-Ministru ma jagħti l-ebda pjan ċar għas-setturi differenti ta’ pajjiżna.

Graham Bencini, minn naħa tiegħu, insista li minkejja li huwa minnu li l-ekonomija qed tikber, dan ma jfissirx li l-familji Maltin u Għawdxin sejrin tajjeb.

Intant, il-Ministru Clyde Caruana spjega li hawn mal-100,000 ħaddiem barrani f’pajjiżna.