Pajjiżna jinsab f’salib it-toroq, u għalhekk jeħtieġ li jkun xprunat minn Gvern ġdid Nazzjonalista biex jibda paġna ġdida lejn kwalità ta’ ħajja aħjar.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino tkellem dwar il-Kunsill Ġenerali li beda jitlaqqa’ din il-ġimgħa permezz ta’ djalogu intern. Imbgħad, il-Ħadd se issir l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-PN, bil-parteċipazzjoni tal-Kap tal-PN Bernard Grech.
Joseph Grech, President tal-Kumitat Eżekuttiv, spjega d-diskussjoni li saret fit-tliet laqgħat tal-assemblej li saru din il-ġimgħa – b’waħda minnhom issir f’Għawdex.
L-assemblej iffukaw fost l-oħrajn fuq l-edukazzjoni, is-saħħa mentali, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Dan apparti li oħrajn tkellem dwar l-isfidi kbar li qed jaffaċjaw il-Kunsilli Lokali.
1. L-Edukazzjoni u l-Inklużjoni taż-Żgħażagħ
L-edukazzjoni kienet tema li ssemmiet f’dawn il-laqgħat. Iż-żgħażagħ esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li din mhix tingħata prijorità mill-Gvern, tant li anke l-Budget ħalla barra għal kollox lill-Univeristà u lill-MCAST.
Ħafna studenti qed jispiċċaw jitilfu l-motivazzjoni biex jistudjaw. Dan minbarra li ż-żgħażagħ tagħna mhux ilaħħqu mal-ħajja u m’għandhomx fejn igawdu l-ħin liberu tagħhom f’ambjent naturali mħares.
Hemm bżonn ta’ investiment serju f’kull livell tal-edukazzjoni u jeħtieġ naraw li pajjiżna jkun attraenti biżżejjed biex iż-żgħaħżagħ tagħna jibqgħu jgħixu Malta.
2. Kwalità tal-Ħajja u l-Ambjent
L-iżvilupp bla pjan u ż-żieda fil-popolazzjoni ssemmew bħala punti li qed jaffettwaw serjament il-kwalità tal-ħajja. F’xi lokalijiet, ir-rata ta’ residenti ġodda kull sena qed tiżdied b’rata sproporzjonata ma kemm jifilħu l-lokalitajiet u l-infrastruttura tagħhom. Dan qed iħasseb lil ħafna.
Jeħtieġ li naraw li jinstab bilanċ u li jsir l-investiment meħtieġ biex l-infrastruttura ta’ pajjiżna ma ċċedix taħt il-pressjoni kbira li qed tiffaċċja.
3. Is-Saħħa Mentali u l-Wellbeing
Il-bżonn ta’ ħarsien għall-ambjent u l-ħtieġa ta’ pjan ħolistiku għas-saħħa mentali huma marbutin flimkien. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ukoll irrimarka li l-kelma “wellbeing” ma ssemmietx fil-Budget. Dan jikxef kemm Gvern Laburista hu maqtugħ minn man-nies.
Pajjiżna għandu bżonn urġenti ta’ pjan li jkun verament iffukat fuq it-tisħiħ u l-kura tas-saħħa mentali tagħna lkoll.
4. Kunsilli Lokali u Riżorsi għal-Lokalitajiet
Pajjiż ta’ kwalità hu magħmul minn lokalitajiet ta’ kwalità. Iżda tul l-Assemblej kien innutat kif il-Kunsilli Lokali mhux ilaħħqu mal-ispejjeż li sabu fuqhom. Bit-tkabbir fil-popolazzjoni, kibret ħafna l-pressjoni fuq il-lokalitajiet. Eżempju wieħed hu ż-żieda fl-iskart, li wasslet ukoll għal żieda fl-ispejjeż għall-Kunsilli.
L-allokazzjoni ta’ fondi għall-Kunsilli mhix biżżejjed u dan hu xhieda ta’ Gvern li mhux talli m’għandux interess li jsaħħaħ il-Kunsilli, talli ma’ kull opportunità jara kif se jdgħajjifhom.
Ir-residenti ħaqqhom Kunsilli li jkunu jistgħu imexxu l-lokalitajiet mingħajr indħil.
5. Viżjoni u Vokazzjoni tal-Partit
Hu ċar li ħafna qed iħossu l-bżonn ta’ alternattiva politika soda biex Malta toħroġ mill-isqaq li daħlet fih.
It-tmexxija u l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista enfasizzaw il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn politiki differenti u li jkunu indirizzati b’mod strateġiku l-problemi soċjali li l-Gvern preżenti qed ikompli jaggrava.
6. Irridu Għawdex Żagħżugħ
Fl-Assemblea ta’ Għawdex issemmew l-isfidi li għadu qed jaffaċċja dan ir-reġjun. Il-ħtieġa ta’ konnettività aħjar, il-bżonn ta’ aktar xogħol ta’ kwalità f’Għawdex u l-importanza li jkun hemm aktar investiment barrani.
F’Għawdex, fl-aħħar snin, inħasset ir-rieda taż-żgħażagħ li jkunu aktar attivi u li jkunu aktar parti mill-mixja għal bidla fid-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż.
Iż-żgħażagħ, imma mhux biss, l-Għawdxin kollha jixraqilhom Għawdex żagħżugħ li joffri tama u opportunitajiet.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema tennew li l-Partit Nazzjonalista hu impenjat biex joffri politika miftuħa, konvinta u bl-għan li tipprovdi direzzjoni għal Malta iżjed żagħżugħa, responsabbli u għaqlija fl-oqsma kollha tal-ħajja.
It-tema Malta Żagħżugħa tfisser li l-Partit Nazzjonalista hu determinat li ma jaċċettax l-istatus quo u r-realta li jridna nemmnu l-Partit Laburista, iżda li jkun minn tal-ewwel li jagħti s-soluzzjonijiet lil dan il-pajjiż.
//= $special ?>