Nhar is-17 ta’ Novembru 2024, Wirt Għawdex se tiftaħ il-bibien tal-kappella ta’ Santa Ċeċilja għall pubbliku mill-10 ta’ filgħodu sal-5 ta’ waranofsinhar. Is-17 ta’ Novembru se jaħbat ftit jiem qabel il-festa ta’ Santa Ċeċilja, patruna tal-mużika, u għaldaqstant se jkun jum mimli attivitajiet mill-isbaħ li jmissu ma’ din it-tema.
Il-pubbliku ġenerali — minn tfal sa kbar — se jkun jista’ jżur din il-kappella medjevali li hi l-unika kappella tal-epoka tagħha f’Għawdex.
Min iżur il-kappella se jkun jista’ jingħata spjega tal-post imma wkoll jista’ jixtri ikel u xorb, u għażla kbira ta’ kotba minn Merlin Publishers flimkien ma’ għadd ta’ sorprizi u rigali oħrajn.
Matul il-jum se jkun hemm ukoll avvenimenti speċifiċi:
10.30 am Wirja mill-Aurora Folk Group
11 am Taħdita bl-Ingliż minn Alex Vella Gregory: Vita Beata: Sacred Music and Faith in a Capitalist World
2 pm L-orkestra tal-istudenti ta’ Sir M.A. Refalo 6th Form immexxija mill-Mro Joseph Grech
3 pm Id-dokumentarju tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti: “Music in Malta – From Prehistory to Vinyl”
4 pm Trevor Żahra — Qari b’rabta mal-mużika u Intervista minn Leanne Ellul
Il-kappella ta’ Santa Ċeċilja tinsab fejn it-torri ta’ Santa Ċeċilja, fi Triq Ta’ Lambert, Għajnsielem, limiti tax-Xewkija. Wirt Għawdex iħeġġu lin-nies jiġu bir-rota, bil-mixi jew b’tal-linja. L-attivitajiet huma kollha bla ħlas u min iġib it-tazza u l-platt miegħu jingħata skont ta’ 10% fuq il-pubblikazzjonijiet ta’ Wirt Għawdex.
Dawn l-inizjattivi huma parti mill-inizjattiva tal-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart. Wirt Għawdex trodd ħajr lil Merlin Publishers, The Travellers, u lil Tal-Massar għall-għajnuna tagħhom. Wirt Għawdex trodd ħajr ukoll lill-għadd ta’ volontiera li jgħinuha bla qies u li se tkunu tistgħu tiltaqgħu magħhom dakinhar
//= $special ?>