Budget 2025 Lokali

Il-Perit Michael Falzon jiddeskrivih bħala “Budget bla viżjoni”

Għaddiet ġimgħa mindu l-Ministru Clyde Caruana ppreżenta l-Budget għall-2025; budget li kien meqjus minn ħafna bħala wieħed li ma ppreżenta l-ebda viżjoni.

F’artiklu ta’ opinjoni fuq il-gazzetta MaltaToday mill-Perit Michael Falzon, intqal kif id-diskors tal-budget kompletament falla l-aspettattivi li kien hemm lejh.

Fil-fatt, huwa qal li l-budget għandu l-għan li mhux sempliċiment jagħti miżuri ġodda iżda jpoġġi viżjoni għas-snin li ġejjin minn dak il-partit li jkun fil-gvern. Iżda, din il-viżjoni ċarament kienet nieqsa mid-dokument ta’ 90 paġna.

Il-Perit innota kif dan il-budget nesa kompletament wegħdiet passati li saru minn dan il-Gvern, bħall-mina minn u lejn Għawdex, l-investiment fi Triq Sant’Anna, il-Furjana, u t-triq li tieħdok għall-mini ta’ Santa Venera. U dan apparti l-metro. Kollha viżjonijiet fil-manifest elettorali bħallikieku riedu sempliċiment iżidu l-ammont ta’ wegħdiet biex jimlew dan il-manifest, bla ebda mira li verament isiru.

Michael Falzon irrikonoxxa wkoll il-fatt li f’dan il-budget, il-Ministru fl-ebda mument ma semma’ li se jsiru proġetti infrastrutturali ġodda.

Il-budget jinsa wkoll l-ammont kbir ta’ dejn li l-Gvern għandu fil-kaxxa ta’ Malta.

Isemmi wkoll nuqqasijiet fis-sistemi tal-pensjoni, l-enerġija u kull settur ieħor. Bażikament, budget li huwa mifni b’għadd ta’ nuqqasijiet tant li l-lista ma tispiċċa qatt. Budget li wera l-ħtieġa ta’ tibdil u bidu ġdid għal pajjiżna.

Kollha kwistjonijiet li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilu jindirizza għal dawn l-aħħar snin wara li ltaqa’ kemm mal-imsieħba soċjali u anke ħass il-polz tan-nies. Iżda, b’differenza, il-Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela qed jibqa’ jagħżel li jgħaddas rasu fir-ramel u jinjora t-talbiet tal-poplu Malti u Għawdxi.