Futbol Sport

Draw f’Old Trafford, Tottenham b’rimonta mill-aqwa kontra Aston Villa

(Ritratt: EPA)

Il-partitissima tal-ġimgħa fil-Premier League bejn Manchester United u Chelsea ntemmet fi draw ta’ 1-1. F’ġimgħa fejn seħħew ħafna bidliet għar-Red Devils, kien imiss lill-kowċ interim Ruud van Nistelrooy li jiddebutta fil-Premier League.

Il-partita żvolġiet fit-tieni 45 minuta meta kienu Manchester United li marru fil-vantaġġ fis-70 minuta permezz ta’ penalty mogħti u skorjat minn Bruno Fernandes. Chelsea wettqu reazzjoni immedjata u ġabu l-iskor indaqs erba’ minuti wara meta minn kien Moises Caicedo li b’konklużjoni mill-isbaħ għamilhom 1-1.

Tottenham wettqu rimonta mill-aqwa meta għelbu lil Aston Villa 4-1. Kienu l-Villians li marru fil-vantaġġ fit-32 minuta permezz ta’ Morgan Rogers. Tottenham ħarġu fuq l-offensiva wara l-mistrieħ u kien Brennan Johnson li għamilhom 1-1 fid-49 minuta. Dominic Solanke għamel l-iskor 2-1 favur Tottenham fil-75 minuta bl-istess plejer erba’ minuti wara jagħmilhom 3-1. Lejn it-tmiem kien James Maddison li bi freekick mill-isbaħ għamel l-iskor finali 4-1.