Lokali

Ebda pjan għal mudell ekonomiku ġdid

F’diskors ta’ iktar minn siegħa li għamel il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministri Silvio Schembri u Clyde Caruana, fl-ebda ħin ma ntqal kif se jkun qed jinbidel il-mudell ekonomiku minn wieħed ibażżat fuq il-kwantità għal wieħed mibni fuq il-kwalità.

L-aħħar stħarriġ li sar mill-kumpanija tal-awdituri EY wera kif Malta saret inqas attraenti għall-investituri barranin. Fid-dawl ta’ dan u tal-kritika kbira li qed jirċievi kemm il-Gvern Laburista kif ukoll il-mudell ekonomiku li introduċa dan l-istess Gvern, il-Ministru Silvio Schembri spiċċa kellu jammetti li l-poplu jrid partit aħjar.  

Intant, fid-diskors tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana kompla jiftaħar bil-budget li ppreżenta; budget li nesa kompletament is-settur tal-edukazzjoni u lill-gżira Għawdxija.

U fost kritika kbira lejn il-budget 2025 għall-fatt li żamm it-taxxa fuq il-COLA, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-budget 2025 kien budget ta’ minn iħaddem.

Dan filwaqt li fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela inkredibbilment baqa’ jiddefendi l-propaganda li qiegħed jagħmel fuq il-PBS; propaganda li fuq ordni tal-Qorti kellha tieqaf, però li baqgħet għaddejja.

Intant, il-Prim Ministru għal darb’oħra baqa’ ma qal xejn dwar is-serqa tal-isptarijiet. Dan minkejja li ftit tal-ħin qabel kien ħareġ staqarrija li fiha qal li jaf fadal ix-xhur sakemm ikun konkluż l-arbitraġġ li fetħu Steward.