Lokali

“Għall-Gvern, l-Università ma kinitx prijorità”

“Il-bżonnijiet tal-Università ta’ għaxar snin ilu mhumiex l-istess bżonnijiet tal-lum. U għalhekk jeħtieġ aktar investiment.”

Dan kien is-sentiment li esprimiet Emma Degabriele mill-Kunsill Studenti Universitarji waqt intervista fil-programm NETLIVE, fejn tkellmet dwar l-effetti tal-Budget fuq l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.
Degabriele tenniet id-diżappunt tal-KSU għall-fatt li l-Università ta’ Malta lanqas biss issemmiet fil-Budget tal-Gvern, minkejja li t-tema ċentrali kienet il-“kwalità.”

Hi stqarret li l-Gvern naqqas mill-Budget għall-Università – fi żmien meta l-għadd ta’ studenti qed jikber.

Emma Degabriele żiedet tgħid li minkejja li żdied l-għadd ta’ studenti fl-Università, l-għajnuna finanzjarja għall-infrastruttura u l-istaff qed tonqos. Dan ifisser li l-istudenti mhux qegħdin jibbenefikaw minn appoġġ adegwat fl-oqsma li jaffettwaw l-esperjenza edukattiva tagħhom.

Intant, għall-KSU, dan il-livell ta’ nuqqas ta’ investiment jixhed li l-Gvern m’għandux l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ bħala prijorità.

Rigward l-ambjent, Degabriele semmiet ukoll li l-miżuri li ġew imħabbra – għalkemm validi individwalment – ma kinux parti minn pjan ċar u ħolistiku li jgħaqqadhom flimkien. Hi sostniet li biex Malta tilħaq l-obbligi internazzjonali tagħha u tmexxi ‘l quddiem l-inizjattivi ambjentali, hemm bżonn ta’ viżjoni komprensiva li tieħu l-ħarsien tal-ambjent b’aktar serjetà.

Filwaqt li semmiet kif fil-Budget hemm aspetti pożittivi, De Gabriele fakkret li l-Università hija l-pedament tal-futur ta’ pajjiżna. U huwa essenzjali li jiġi mfassal pjan ċar li jindirizza l-bżonnijiet attwali taż-żgħażagħ u l-istudenti fl-aspetti kollha tal-ħajja tagħhom.